
Meta kont fil-kamra qiegħed mill-ġdid ngħaddi xi video għal ġol-PC (naħseb li kienet l-opra Don Giovanni. Bħalissa tant qed jaħdem bla ħniena li tlift il-kont), ftakart li l-programm li għandi jien fih option “Capture straight to DVD” li qatt ma kont użajtha. Ippruvajtha u ħadmet!!! Ehmm... messni xtrajtha! L-ewwel DVD li ħraqt direttament mill-video għad-DVD kien il-pontifikal solenni ta’ nhar il-Ħadd li għadda li fih il-Papa Benedittu XVI ħabbar l-ewwel qaddis Malti. Bix-xieraq, hux?

Fil-għaxija kellna l-għasar għall-‘festa’ ta’ San Ġorġ Preca. Proprjament mhix festa, imma hi ċ-ċelebrazzjoni Nazzjonali u Djoċesana li fiha l-Arċisqof jippreżenta l-qaddis il-ġdid lill-poplu Malti. U ovvajment, la dan hu l-ewwel qaddis, allura kollox sar naqra bil-kbir.
Minn Għawdex ir-relikwija ttieħdet fil-knisja tal-Vittorja l-Belt, u telaq korteo minn San Ġwann (magħmul mit-terzjarji Karmelitani u mill-kapitlu tal-kolleġġjata ta’ San Pawl) u mar hemm iġibha. Fil-bieb ingħatat lill-Arċisqof li tela’ biha sa fuq il-presbiterju. Imbagħad kien hemm xi forma ta’ Exsultet f’ġieħ San Ġorġ Preca, kantat minn Said-Pullicino (twil xi kwarta) u mbagħad għasar kollu kantat. Kien Gregorjan bil-Malti, u kien sabiħ ħafna. Imbagħad omelija… u nsomma. Domna minn xil-17:30 sa xit-20:00. Ma bsartx li se ndumu daqshekk. Imma kien sabiħ.
No comments:
Post a Comment