Illum waħda minn dawk…
Illum lejliet il-kanonizzazzjoni ta’ l-ewwel qaddis Malti – Dun Ġorġ Preca, profeta qabel żmienu u fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Għalhekk ħsibt li aħjar ninżel id-dar għal ftit ħin kemm indendel mal-gallarija il-poster ta’ Dun Ġorġ li kienu ħarġu ma’ gazzetta nhar il-Ħadd li għadda. It-temp kien tal-biki – nisperaw li Ruma ma jkunx hekk għada.
Insomma, mort għand tal-ħanut biex niġbor il-poster (wara li suppost ġbartu l-bieraħ imma bi żball ta l-affarijiet li kien refa’ għalija taħt l-isem ta’ J. Farrugia lil xi waħda jisimha Joanne Farrugia – imma ddubbali ieħor, so no problem) u bqajt sejjer id-dar. Kif wasalt sibt biċċa chip-board kbira ftit aktar minn A1, naddaftha u waħħalt il-poster magħha. Mort sa għand tal-ħanut biex nixtri biċċa kartonċina safra u bajda biex niksi l-biċċa njama li baqgħet mikxufa. Kien magħluq. Mort lura d-dar, sibt biċċa kartonċina ċelesti u użajt lilha. Fuqha waħħalt il-kliem “Sinjur Alla, bierek f’mewti r-ruħ tiegħi”, meħudin mill-Quotidie.
Waqaft ftit mix-xogħol u mort saż-Żurrieq nagħti l-alba tal-Ġinġer biex iz-zija tħitli bħalha. Qgħadna npaċpċu ftit u qaltli li l-bieraħ rat Xarabank mill-Vatikan wara li ġiet mill-Wied. U qaltli “X’ħin beda jġib il-koppla ma bediex iġib il-qamar fuqha? Dak kif wasal sa Ruma? Kont għandi kemm rajtu l-Wied!” O MY G. Taħlita ta’ astronomy u physics, zi ruħi.
Lura d-dar waħħalna l-poster u bdiet nieżla x-xita. Poġġejna biċċa plastic fuqu, imma bdiet ittir. Erġajna qlajnieh u għattejnieh b’biċċa plastic u waħħalnieha miegħu. Imbagħad bdilt il-bozoz ħomor tal-gallarija biex nagħmilhom kollha bojod – u jkunu lesti għal tal-ġilju wkoll. Waħħalthom u xegħlthom – kollha ok. Il-kamin ħafna aħjar mill-bayonet!
Inżilt isfel nissettja l-video biex inkun nista’ nirrekordja xi

programmi għada u sejjħitli oħti.
“Int baħnan?”
“!?”
“Nieżla x-xita u tħalli l-bozoz mixgħulin? Faqqgħu nofshom”
OMG! Tlajt fuq biex nara. Kien hemm bozza waħda li splodiet u ma kien baqa’ xejn minnha. Oħrajn kienu jidhru b’biċċiet neqsin. Id-
dear xegħlet il-gallarija mill-ġdid biex nara liema kienu għadhom tajbin u splodiet oħra. GOTT! Qlajna l-
plug u neħħejt il-bozoz kollha li nfaqgħu. Minn 30 kien baqa 12 sħaħ. Grr… Ġibt il-bozoz li kien fadalli u sibt li ma kienx baqa’ waħda mġiddma bajda.
So iddeċidejt li nkun innovattiv. U għamilt il-faċċata karnival. Fin-nofs hemm tliet bozoz bojod u tlieta oħra
sofor (bandiera tal-papa), imbagħad fuq kull naħa waħħalt 2
ħodor, 2
ħomor u 2
bluni. L-aħħar tnejn ħajjethom bojod. Meta waqfet ix-xita xegħlthom. Waħda mill-blu kienet maqtugħa. Mort naqla’ ta’ pariġġa biex nitfa’ tnejn oħra bojod u l-bluni npoġġihom waħda f’kull tarf. It-tajba waqgħet sular u saret melħ. Hmpf!

Mort fuq it-tromba ntella’ il-bandiera. Il-ħabel kien marbut ma musmar daqshiex fuq il-bejt. Erġa’ inżel, ħoll, erġa itla. Tellajtha u l-ħabel tħabbel. Waqt li kont qed nniżżilha biex intellgħha sew qamet bufura, tajjret il-bandiera u kważi tajjret lili magħha minn fuq it-tromba tal-bejt. Tellajtha, ma stajtx norbotha u ddendlet. Erġajt tellajtha u qgħadet f’postha. Naħseb se tibqa’ tperper sa tal-ġilju!
Issa li jonqos hu li xi ħin iċempel il-mobile u xi ħadd mill-parenti jgħidli li l-poster bl-injama b’xi mod inqala’ minn mal-grampuni tal-gallarija, waqa’ u kisser xi karozza. Jew qatel lil xi ħadd.
Spiċċajt biex għamilt id-dar mill-11:30 sas-18:30 u ma waqafx minuta! Tistgħu tobsru kemm studjajt!