Il-Ħamis, 8 ta’ Marzu 2007

d disappearing hard disk

Għamilt jumejn nieqes għax kelli naqra problemi bil-pc! Veru affarijiet ma jitwemmnux! Il-bieraħ kont qed nipprova nittajpja l-omeliji li għamel l-Arċisqof Cremona fis-Seminarju fiż-żewġ żjarat li għamel, imma tant jinstema’ textix jew irbumbjar li qtajt qalbi. Imbagħad il-pc weħel. Tfajtlu re-start u reġa’ weħel. Tfajtlu oħra u lloadja, imma beda jġibli li l-Acrobat Pro ma jsitax isibu. Ma tajtx każ u komplejt niċċattja ma’ oħti. Imbagħad mort niftaħ il-My computer u drive E ma dehritx. Hawn aħna! 16-il Gb ta’ mużika, ritratti, clips, powerpoints flimkien ma’ l-ewwel omeliji ta’ l-arċisqof il-ġdid telqu! Ma kontx naf kif għandi nirreaġixxi. Fl-aħħar iddeċidejt li aħjar norqod raqda tajba u mbagħad nara għada. U hekk għamilt. Dal-għodu mort l-università qisu qatt ma kien xejn. Il-ġurnata kienet interessanti ħafna, speċjalment is-sagħtejn Christology. L-ideat ta’ Hans Urs Von Balthasar interessanti –naħseb nipprova naqra dwaru aktar fid-dettall. [Innutajt li kont stembaħt sew għall-ħabta ta’ l-10:00.] Imbagħad waqt il-morali kważi erġajt irqadt. Insomma…
Waħħalt żewġ posters għall-irtir li se bħala GħST se norganizzaw għall-istudenti. S’issa kellna rispons tajjeb meta tqis li dan qiegħed isir għall-ewwel darba.
Ġejna lura hawn, kilna – laħam à la chinois u patata moqlija. Għoġobni. Wara tlajt fil-kamra biex inkompli naqra l-artiklu mill-Jerome. Xegħelt il-pc biex nagħmel il-kopji tad-DVD tal-kandidatura u niċċekkja Der Untergang ġiex tajjeb… u drive E reġgħet tfaċċat. Minkejja li nobgħod inbiddel il-pjanijiet deherli l aħjar naqbad u nagħmel backup ta’ kollox. U hekk għamilt. Issa d-drive tista’ [complicated pictogram]*.
Fil-għaxija għall-quddiesa kellna kor Ġermaniż li ma nafx minn fejn inqala’. Il-kant kien sabiħ, avolja kienu naqra diżorganizzati. Għall-ewwel ħsibthom se jikkonċelebraw għax poġġew is-siġġijiet fuq il-presbiterju, imbagħad ressquhom lura kważi wara l-pipi ta’ l-orgni, imbagħat għalquhom u ħallewhom iserrħu mal-Kurċifiss, imbagħad iddeċidew li jinżlu fuq l-ewwel ringiela bankijiet u qgħadu qishom sardin hemm. Telgħu fuq il-presbiterju biex ikantaw u bdew b’nofs Credo fl-introjtu. OMG! Imbagħad komplew tajjeb, avolja kien hemm wieħed qagħad jaqsam minn quddiem it-tabernaklu bla rispett ta’ xejn!!! Il-quddiesa damet xi siegħa u ħames minuti, imma kienet sabiħa. Issa naraw ir-rekording kif ġie….

*Kunċett li tgħallimtu minn Interesting Times, li naħseb li l-lejla llestiħ.

No comments: