It-Tnejn, 30 ta’ Lulju 2007

Is-sorprizi tal-bidu tal-Kwindicina...

Illum jibda żmien tassew għal qalbi – il-ħmistax il-ġurnata ta’ preparazzajoni spiritwali għall-festa tal-glorifikazzjoni ta’ Ommna Marija. U dis-sena dan il-jum għażiż ġab miegħu xi sorpriżi mhux mistennija…

L-ewwel waħda kienet il-ħruq tal-murtalun fl-4:00 ta’ filgħodu. Kont ħsibt li qatgħu qalbhom li jkomplu jagħmluh, imma mid-dehra d-demm għadu jitla’ għal xi mħuħ. U nsomma, skond il-liġi jew kontriha, fl-4:00 nħaraq il-famuż murtalun li riegħed ir-raħal u qajjem lil kulħadd, devoti u mhumiex ta’ Santa Marija. (ok, nammetti, lili ma qajjimnix. Njh njh. Imma qajjimni ta’ warajh, fit-8:00.)

La fit-8:00 kont għadni fis-sodda, il-quddiesa ma lħaqthiex. Għalhekk mort għal tad-9:00 is-Swatar biex wara ngħaddi sa l-Università biex nagħti daqqa ta’ għajn lin-notice board tal-fakultà biex nara dak li qaluli hux veru. Mort u rajt SUMMA CUM LAUDE ma wiċċi! Wow! Fl-aħħar irnexxieli! Wara 2 degrees Egregia cum laude u magna cum laude fl-aħħar waslet is-summa. Ma nafx kontx qed nistennieha jew le! Imma nsomma, ħadt gost biha! Naraw ikollix nerġa’ nagħmel il-graduation speech!

Wara dik mort niġbor il-kotba tal-liturġija tas-solennità ta’ l-Assunzjoni tal-Madonna mingħand dak li offra li jwaħħal il-qxur mal-ġewwieni. Ġew sbieħ. Kif wasalt id-dar sibt missed call u messaġġ mingħand wieħed ħabib li ilna ma niltaqgħu żmien twil. Morna ngħumu għuma ġol-baħar imqalleb f’Xorb l-Għaġin u veru ħadna gost!
Hekk kif kont sejjer lura d-dar rajt l-Imqabba qisha ġo sħabha trab. Ir-riefnu li qam kien xi ħaġa inkredibbli. Mort fittixt niżżilt il-bandiera l-ġdida qabel ma nqalgħet bl-arblu (ehm… kanna) b’kollox.
Fil-għaxija kellna mmorru Kemmuna ma’ tas-Seminarju, imma minħabba r-riħ bqajna Malta. X’tagħmel? Xorta ħadna gost, imma ma domniex daqs kemm kien ippjanat. Allura ittawwalt sal-Gudja u bqajt għall-aħħar biċċa tal-pellegrinaġġ bl-istatwa li dis-sena tagħlaq 200 sena. Ġabuha proċessjonalment minn Palazzo d’Aurel. Ma kienx hemm folol, imma kienet sabiħa.

No comments: