Ġurnata mhux tas-soltu… Wara tliet quddisiet fil-għodu (li waħda minnhom kelli nkanta fiha!) assistejt għall-ħruġ min-niċċa tal-vara unika u meraviljuża ta’ Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Kien sabiħ u… ehm… mhux tas-soltu. L-ewwel nett il-musketterija u l-ftit murtali kienu sinjal biex in-nies imorru l-knisja (flok ma saru meta ħarġet il-vara), imbagħad kien hemm speċi ta’ omelija dwar it-tifsir tal-festa għall-komunità parrokkjali, imbagħad il-kappillan bierek lin-nies (is-soltu kien ibierek u jinċensa l-vara, imma did-darba kien oriġinali), mar ħdejn in-niċċa fetaħha u ħarġuha bil-bradella b’kollox. Kien hemm ċapċipa pulita (after all we’re at Attard!). Ħadu l-Madonna sa ħdejn il-bieb, refgħuha (kważi qalbuha għax refgħu ta’ naħa waħda biss! Il-knisja kollha nħasdet!) u mbagħad bdew imexxuha bil-mod sa ħdejn il-presbiterju biex ipoġġuha fuq il-bradella. Ħin minnhom kienet waslet sa ħdejn in-niċċa, imbagħad paċpaċt ftit ma’ l-abbatini u meta ħarist reġgħet kienet ħdejn il-bieb. Ħakkejt tnejn rasi… imbagħad il-prefett spjegali li biex il-kappillan ikollu ċans jiġbor, jimxu pass ‘il quddiem u tnejn lura. Boq. After all we’re at Attard. Njh. Insomma f’temp ta’ kwarta ġabru Lm1052. Wow. L-innu għoġobni mmens.
Tiegħla s-sema, wiċċha jiddi Bħaż-żerniq ta’ jum sabiħ Dawl ix-xemx il-libsa tagħha Fuq is-sħab b’sieqha tistrieħ!
Fil-għaxija erġajt mort il-parroċċa u mbagħad wara għaddejt sa Santa Venera. Minkejja d-doti li għandha l-vara, fil-knisja l-ġdida u fi Triq San Ġużepp tidher pjuttost… mitlufa. U forsi mnalla. Ħadt żewġ ritratti ta’ Vinny u mbagħad mort ninviżta l-knisja l-qadima u bqajt hemm sakemm wasslu l-vara hemm. Kien hemm koċċ ċapċip meta waslet ħdejn il-knisja u meta reġgħet bdiet miexja.
Wara mort sal-belt għall-festa ta’ San Duminku, patrun tal-parroċċa matriċi tal-Belt Valletta, allura patrun tal-Belt, minkejja dak li jingħad minn oħrajn. Ma pressjonajtx ruħi bin-nies x’ħin wasalt…dort dawra mal-knisja. Sabiħa ħafna. Qbadt inpaċpaċ ma’ saċerdot li jifhem fl-arti u qalli din hi l-isbaħ statwa ta’ Malta u hi biċċa xogħol ta’ arti ta’ livell internazzjonali.. Ir-raġuni hi li l-qawwa u l-grazzja fiha jilħqu bilanċ perfett. Nammetti li togħġobni ħafna. Naġseb li mill-vari tal-Belt San Duminku, f’għajnejja, jibqa’ l-isbaħ. Meta wasal biex jidħol il-folla li nġabret quddiem u ġol-bażilka kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Iċ-ċapċip kien qawwi, imma f’loku. Ħadt ħafna gost.
No comments:
Post a Comment