It-Tlieta, 10 ta’ April 2007

Ħarsa minn fuq il-kampnar

Niftakar l-ewwel darba li tlajt fuq il-kampnar tal-knisja tar-raħal kien xi ħmistax-il sena ilu. Ma nafx x’okkażjoni kienet. Niftakar li wara kien hemm xi quddiesa li għaliha kienu attendew l-abbatini kollha u jien kont bilqiegħeda magħhom fuq quddiem. U niftakar li l-qniepen tant ġenġluli widnejja li domt nismagħhom idoqqu fit-tnabar sal-konsagrazzjoni!
Illum erġajt tlajt nittawwal ftit minn hemm bl-iskuża li ndoqq fl-aħħar mota tal-kwaranturi, imma fir-realtà ridt nieħu koċċ ritratti minn hemm fuq, ritratti tass-simboli fuq il-qniepen u nirrekordja l-mota. Njh njh njh. Kollox irnexxieli nagħmel. Njh. Ippruvajt indoqq iż-żgħira u gerfixt ftit… u iva, ħadd ma ġie jgerger!
Minn hemm fuq veru nieħu gost nara l-veduta, u l-aktar żewġ veduti li jogħġbuni huma dik tan-naħa tar-raħal l-antik (Triq San Bażilju) u dik tan-naħa tal-knisja. Qatt ma nixba nħares minn hemm.
Fil-qniepen innutajt li hemm figuri komuni fuq diversi minnhom: effiġi ta’ l-Assunta, tal-Kurċifiss u oħra ta’ San Mikiel li kienu preżenti fuq xi żewġ qniepen, fsothom il-kbira, tal-Mejlaq. Xi darba nitla’ s’hemm waħdi u nixxabbat kif nsita’ biex nieħu koċċ ritratti sew ta’ kollha. Jekk ma nkomplix nikteb fil-blog ifisser li nkun waqajt minn hemm fuq, ok?

1 comment:

Ale said...

You'll have your very own For Whom the Bell Tolls, Prez. For a film buff such as yourself this is priceless!!!