It-Tlieta, 10 ta’ April 2007

Le 40 ore

Illum ittemmew l-40 siegħa ta’ adorazzjoni quddiem is-Santissmu Sagrament fil-knisja parrokkjali ta’ l-Imqabba. Dawn bdew nhar l-Għid fl-10:00 u spiċċaw il-lejla permezz ta’ quddiesa solenni kantata u purċissjoni. Ikolli nammetti li din il-festa hija waħda mill-aktar li nieħu gost nattendi għalihom fir-raħal. L-artal kien armat sabiħ, bla ħamallaġni u mbarazz żejjed. Ovvjament kienu jispikkaw il-ġilandra li ddisinja u ħadem Abram Gatt fl-1936 kif ukoll l-isfera l-antika tas-seklu XVIII, maħduma mill-fidda u deheb u nagastata bid-djamanti – veru li dari l-Imqabbin kienu aktar imħeġġin għall-knisja mil-lum! Il-ventartal l-antik u l-anġli ta’ A. Zammit (1955) komplew isebbħu l-presbiterju wkoll.In-nies għadha tattendi ħafna għaliha – matul it-tlett ijiem il-knisja kienet dejjem mimlija sew waqt il-quddies ta’ fil-għaxija (avolja dis-sena l-priedki kienu TWAL). Illum ġew koċċ abbatini u abbatessi wkoll – madwar 18 u qagħdu sew… mhux soltu. Il-purċissjoni bil-barka fil-pjazza quddiem id-Duluri kienet sabiħa ħafna. Ħasra li ħadd ma ħa ritratti tal-folla miġbura quddiem dik il-knisja antika.

No comments: