It-Tnejn, 9 ta’ April 2007

Il-figolla ta’ l-Arċisqof…

Mela, madwar 7 snin ilu is-seminaristi bdew tradizzjoni ta’ ċajta fuq sħabhom ta’ l-ewwel sena. Bażikament li jiġri kien dan: wara l-funzjoni tal-Vġili ta’ l-Għid fil-kon-katidral ikollna festin mal-kapitlu u l-isqfijiet. L-item prinċipali tkun figolla li normalment ikollha forma ta’ ħaruf. Xi qalb tajba minn ta’ l-aħħar snin tas-seminarju jmur isib xi seminarista ta’ l-ewwel sena u jgħidlu (jordnalu) biex wara lil-Arċisqof jaqsam il-figolla, imur u jitlbu biċċa biex joħodha lir-rettur u lill-Viċi… ir-reazzjoni tas-soltu tkun (bla eċċezzjoni) “X’mistħija! U mela x’nagħmel!!” Però, permezz ta’ l-arti tal-presważjoni (imżewwqa bi ftit oppressjoni) lill-individwu/vittma jaslu biex jikkonvinċuh li jekk ma jagħmilx hekk ikun qed iħassar tradizzjoni antika, sakemm dak li jkun iċedi. Tħallih jinkwieta kif se jpoġġi l-kliem lill-Arċisqof matul il-festin kollu (idealment tgħidlu hekk kif jibda l-festin, ħalli ċ-ċajta tieħu aktar fit-tul), imbagħad ftit qabel ma l-Arċ jaqsam il-figolla, lis-seminarista nkwetat tgħidlu li hija biss ċajta – mind you, il-biċċa figolla xorta dejjem ituhielna!!
Mela dis-sena ppruvajt inkun jien l-opressur. Mort fuq wieħed ta’ l-ewwel sena (li fih daqsi darbtejn) u għedlu li jrid jgħid lill-isqof itina biċċa figolla. Ir-reazzjoni kienet naqra differenti: “Għid lill-ieħor!” (Ta’ l-ewwel sena qiegħdin biss 3 u wieħed kien l-Imdina, so ma stajniex indaħħluh fiċ-ċajta.) Mort fuq l-ieħor u għedtlu bit-tradizzjoni veneranda tagħna u dan tani risposta li assolutament ma kontx qed nistennieha: “Orrajt, ngħidlu.” OMG.
X’naqbad nagħmel!? Imbagħad għedt: U iva, l-Arċisqof l-ewwel sena wkoll, mela ċ-ċajta nħalluha sejra u naraw x’jiġri. Ftehmt mas-seminarista li nagħmillu sinjal meta suppost jgħidlu u komplejt inpaċpaċ u niekol u ndur man-nies…
Sadattant hu kompla jitkellem u, presumibilment, staqsa aktar dwar din it-tradizzjoni interessanti. Il-kanna hi li, bla ma kont naf, staqsa lil wieħed seminarista ieħor li ma japprovax dan it-tip ta’ ċajt…
Meta wasal il-mument u l-Arċisqof qasam il-figolla għall-ewwel darba fl-episkopat tiegħu, jien, li kont quddiemu, għedtlu: “Eċċellenza, issa hija tradizzjoni li xi ħadd ta’ l-ewwel sena jitolbok xi ħaġa”. Nofs is-seminaristi bdew jidħku, il-monsinjuri bdew jidħku, l-Arċisqof daħak… u r-rikjesta baqgħet ma saritx.
“Din xi tradizzjoni qed tibdieha int, Jonathan?”
Oh MY God! Ridt l-art tiblagħni… imnalla li l-arċi jaf jieħu ċajta! X’tagħmel? Bdiet ċajta fuq seminarista, imbagħad żviluppat għal ċajta fuq l-Arċisqof, sakemm spiċċat ċajta fuqi! Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd!

2 comments:

Ale said...

Xi darba tmiss lil Papa...(hint hint)

Ganni x-XeJn SeW said...

Papa, ey? Pass pass, dear.