Is-Sibt, 14 ta’ April 2007

Żjara lil San Bażilju

Issa li kważi spiċċa x-xogħol ta’ restawr fuq il-kappella unika, medjevali, meraviljuża, proto-parrokkjali, gotika, miżjuda, mbagħbsa, mitluqa u restawrata ta’ San Bażilju. Kont qiegħed l-Uffiċċju parrokkjali nfittex fuq xi legati marbutin ma’ l-istess kappella u l-kapo qalli biex immorru s’hemm (ehm… ok… dawwart id-diskussjoni sakemm il-kapo offrieli li mmorru s’hemm. Sakemm il-kapo nduna li rrid immur s’hemm).
L-art reġgħet saret kollha ċangatura, u anke l-bitħa ta’ barra – wow. Veru sabiħa. Nixtieq inkun naf min kin iċ-ċuċ li fl-imgħoddi kien issuġġerixxa li jneħħu ċ-ċangaturi biex jagħmlu dak il-waħx ta’ madum isfar li kien hemm!
L-unika ħaġa atroċi li għad hemm u li hi absolutely out of style hija l-artal tal-ġebel jew konkos jew ma nafx ta xiex li hemm. Jidher li kien sar fil-bidu tas-seklu XX minn xi njurant ieħor li għamlu kbir wisq, għatta t-titular ta’ l-1677, u li biex dan jibqa’ jidher, xi TROMBA ieħor qata’ biċċa mill-arkata tas-seklu XVI biex il-kwadru jitpoġġa flokha. Issa għall-grazzja ta’ Alla din reġgħet inbniet u l-kwadru se jitpoġġa jserraħ magħha. Ikolli nammetti li l-kappella ssaħħrek bis-sempliċità awstera tagħha. Kellu bżonn il-kapo jsibilha xi użu dinjituż. U fatt interessanti ieħor, wara ma nafx kemm-il sena reġa’ hemm fiha (b’mod li jidher, almenu) l-pupltu tal-knisja parrokkjali li kien tneħħa minn xi appostlu ieħor fis-snin sittin.

No comments: