It-Tlieta, 24 ta’ April 2007

Priceless

Mela llum ġratli waħda li QATT ma kont nobsor li setghet tiġrili. QATT ma kont nimmaġina li stajt naqa’ daqshekk fil-baxx. Bl-ingliż tinstema’ isbaħ: I never believed I could stoop* so low.
L-istorja bdiet il-bieraħ waqt li kont qed nibgħat xi emails. Kont għadni kemm bgħatt l-artiklu lill-Għaqda Karmelitana u Banda Queen Victoria taż-Żurrieq u kont qed nikteb lill-E.T. Mons Isqof Grech dwar xi dati għas-sajf. Iċċekkjajt sewwa x’dati kelli bżonn minn fuq il-kalendarju tal-PC (kemm hu effiċjenti jkollok kollox miegħek fuq screen wieħed! Eħħ.. il-progess!!) u komplejt nikteb. Hekk kif għalaqt il-kalendarju l-antivirus donnu għamel automatic update u ġabli messaġġ li huwa skadut. Kif tfejt dak il-messaġġ ġie messaġġ ieħor mill-paġna ta’ l-email li qalli li l-paġna kellha security error, proceed? Jien għamiltlu ‘yes’ u l-paġna ntfiet. Mm? Erġajt ippruvajt nidħol imma ried jidħol b’xejn. Ippruvajt nidħol f’paġni ta’ emails oħra u kollox ħadem regolari. F’dik biss ma riedx jidħol. Ġibt liż-żgħir jiċċekkjali, imma ma setax jaqbad art. Innota li l-antivirus beda jġib li ilu ma jkun updated 122 ġurnata. Sa fil-għodu stess kien updateja!!! Għamiltlu check for updates u ġab li hu fully updated, imma xorta meta ftaħtu baqa’ jgħid li kien out of date. Iċċekkjajt dik l-istess email mill-PC ta’ sieħbi ta’ quddiemi u ħadem. Ippruvajt fuq tiegħi u xejn. Kont se naqbdu u narmih mit-tieqa! Iddeċidejt li naqlagħlu l-cable ta’ l-internet biex ma jidħolx xi virus waqt li bil-lejl ħraqt DVD-convert ta’ l-Arti Siekta (Tas-Sliema x2, l-Imsida, l-Imdina u ż-Żejtun x0.5). Għamilt f’rasi li nqabbdu l-għada qabel is-6:00, x’ħin suppost jagħmel l-automatic update.
Hekk għamilt, imma xorta baqa’ jinsisti li out of date u li l-web page kella security error. Grumble grumble grumble. Żarmajtu u ħadtu miegħi l-università biex nieħdu għat-tiswija wara.
Mort minn fejn xtrajtu, l-iScan, f’xi l-10:30. Spjegajt lit-technician x’ġara u tani d-default answer: Format! Kont se nisplodih u ssuġġerejt li forsi aħjar l-ewwel naraw x’hemm qabel ma nagħmluha fatta, x’taħseb? Xegħlu, qabbdu ma l-internet, gerfex minn hawn u gerfex minn hemm u pprova dan u pprova dak u... xejn. Kont se narmih fit-triq forsi tkissru xi karozza!! Imbagħad lit-technician ġietu l-idea formidabbli li forsi kien hemm xi ħaġa ħażina bl-Explorer u ddownloadja l-Mozilla Firefox. Ipprova jidħol f’dik il-web page u... xejn. Imma did-darba l-messaġġ li ġab, barra milli qal li l-paġna għandha security error, qal ukoll li l-PC kellu data aktar futura milli kienet tas-security certificate tal-web page.
Dak il-ħin daqqet qanpiena f’moħħi u għedtlu jiċċekkja d-data tal-PC minn fuq il-kalendarju tiegħu stess. Id-data kienet timmarka 24 ta’ AWISSU flok ta’ April! Li ġara kien li wara li ċċekkjajt id-dati l-bieraħ, flok għafast cancel għamilt ok u tfajt il-PC 4 xhur ‘l quddiem! Il-web page tgerfxet għax filli kienet f’April u filli sabet ruħha f’Awissu u għalhekk ingħalqet u ma setgħetx tinfetaħ mill-ġdid, waqt li l-antivirus ma setax isib update għal Awissu għax dan l-update għadu ma jeżistix! Irranġajt id-data u kollox ġie għan-normal.
OMG! Anqas ħaqq kemm gerfixna u ġrejna u ppruvajna xorti (biex ma nsemmux kemm għdet xorti!). Veru stħajt. Meta jkollkom bżonn kalendarju użaw wieħed tal-karti, milli jqassmu l-każini fil-bidu tas-sena, tużawx tal-PC għall-għażż għax tista’ tiġikhom ħażin ħafna!

(* © Ms. C. G.)

No comments: