Il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju 2007

San Bażilju u San Mikiel

Illum ġew inawgurati mill-ġdid iż-żewġ knejjes tewmin (b’mitejn sena bejniethom) ta’ San Bażilju u San Mikiel. Dik ta’ San Bażilju hija unika f’Malta u hija wkoll l-eqdem knisja fl-Imqabba. Il-valur storiku tagħha jkompli jikber minħabba l-fatt li peress li fl-1598 kienet l-ikbar knisja fl-Imqabba, hija serviet bħala l-ewwel knisja parrokkjali minn meta l-Imqabba saret parroċċa taħt it-titlu ta’ l-Imqaddsa Marija Mtellgħa s-Sema. Diġà kien hemm knisja ddedikata lill-patruna tar-raħal fejn illum hemm il-knisja parrokkjali, imma din kienet żgħira wisq biex tintuża bħala knisja parrokkjali. Tkabbret għall-ewwel darba fl-1486 u tkabbret darbtejn oħra sa l-1515. F’dil-knisja kienet ġiet eretta l-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju fl-1596, sentejn qabel ma’ l-Imqabba saret parroċċa.
Il-knisja ta’ San Mikiel inbniet għall-ewwel darba lejn tmiem is-seklu XVI, imbagħad saret kif inhi llum fl-1669. Fiha hemm eretta s-sodalità ta’ San Mikiel. Kien fiha diversi ex voto li nserqu, ehm... sparixxew… f’dawn l-aħħar erbgħin sena. Wieħed minnhom għadu jinsab fl-uffiċċju parrokkjali.
Dal-knejjes għamlu kważi seklu jintużaw bħala maħzen ta’ l-armar tal-festa ta’ Santa Marija – ħaġa oġġezzjonabbli għall-aħħar. Insomma, għal grazzja ta’ Alla u ta’ San Bażilju San Mikiel, issa dan l-użu spiċċa. Fost l-imbarazz li kien hemm f’San Mikiel kien hemm il-pulptu tal-knisja, li kien sar fil-bidu tas-seklu XX minn wieħed kunjomu D’Oliva mill’Isla. Għalkemm m’għandux x’jaqsam mal-pulpti barokki u maestużi ta’ diversi parroċċi oħra, xorta waħda huwa ferm eleganti fis-sempliċità tiegħu. Kien ilu madwar erbgħin sena f’rokna f’San Mikiel, u ż-żewġ naħat li kellu skulturati kienu jħarsu lejn il-ħajt. Mhux ta’ b’xejn kont naħseb li għamlu sew li neħħewh daqs kemm kont naħsbu ikrah. Issa nindem minn dak il-ħsieb ħażin li kelli. Hija veru ħasra li qiegħed moħli hemm.
Kien hemm diversi affarijiet li juru kemm dal-knejjes kellhom bżonn dar-restawr. L-aktar ħaġa tal-mistħja li kien hemm kien il-ħmieġ li kellhom mal-faċċat. Barra minn hekk kien hemm l-ilma dieħel mis-saqaf ta’ San Bażilju, l-għoxxenità ta’ żebgħa u wires li kien hemm u, l-aktar ħaġa orrenda, il-madum isfar li kien poġġa l-kappillan Bianco flok iċ-ċangatura antika li kien hemm. Kien hemm il-pittura ta’ San Mikiel li wkoll ġiet restawrata. Impressjonanti kienet il-fidi ta’ xi Mqabbi li fl-antik ta’ daqqa ta’ xi mazza jew gandlier lil ras ix-xitan u flok rasu ħalla toqba daqshiex. Issa rasu reġgħet kibritlu, u l-pittura tista’ titgawda fi ġmielha kollu.
Issa, wara ma nafx kemm, dal-knejjes reġgħu ħadu s-sbuħija oriġinali tagħhom, u nistgħu narawhom fil-glorja kollha tagħhom. J’alla nibqgħu nieħdu ħsiebhom.

No comments: