Fis-17 ta’ Ġunju ta’ din is-sena l-parroċċa tagħna se tkun qed tiċċelebra t-tifkira tal-Madonna tal-ġilju. Din it-tifkira fl-imgħoddi kienet issir f’diversi lokalitajiet, imma biż-żmien kollha nqatgħu u baqgħet issir biss fl-Imqabba. Nafu li bdiet issir lejn is-sena 1772 meta twaqqfet il-fratellanza ta’ l-Immakulata, meta l-Imqabba kienet ilha parroċċa kważi mitejn sena. Iċ-ċelebrazzjonijiet ħadu spinta ‘l quddiem mill-bidu tas-seklu XX, meta fl-1911 twaqqaf każin biex jieħu ħsieb il-festa esterna. Il-funzjonijiet liturġiċi, li sa l-1921 kienu jikkonsistu biss f’żewġ għosrien, quddiesa kantata u purċussjoni, żdiedu fl-1922 meta l-president tal-każin ħalla fondazzjoni biex jibda jsir it-tridu. Fil-knisja ċ-ċelebrazzjonijiet idumu sejrin erbat ijiem: jumejn tridu, l-ewwel għasar lejlietha, quddiesa kantanta, t-tieni għasar u purċssjoni nharha. Dis-sena se tkun l-aħħar sena li se nakkumpanja bħala seminarista – sen’oħra bl-alba, bl-istola u l-kullar!

No comments:
Post a Comment