Il-Ħamis, 31 ta’ Mejju 2007

Beda l-countdown tal-kanonizzazzjoni

Daqs nofs siegħa ilu telqu l-ewwel grupp ta’ seminaristi għal Ruma. Koċċ ieħor sejrin xi sagħtejn oħra, ftit għada matul il-jum, imbagħad l-aħħar qabda sejrin is-Sibt bil-lejl. U se nibqgħu hawn ftit li jew ma ssugrajniex nitilgħu minħabba l-eżamijiet, jew għax ma għandniex flus, jew għax dehrilna li fuq it-tv narawha aktar bil-kumdità u bla spejjeż, jew għax bla nteress. Jew għax taħlita minn kollox.
Jien ngħid għalija mill-ewwel għedt li mhux se mmur, l-aktar minħabba l-eżamijiet, imma anke minħabba li bi ħsiebni mmur sa Ruma aktar tard das-sajf u ma naffordjax immur darbtejn. Imma xorta waħda meta kulħadd kien qed jipprepara biex jitlaq ħassejtni naqra XeJn SeW. Imma nsomma. M’hemmx x’tagħmel. Naf li fino in fondo għamilt l-aħjar għażla. Issa nittamaw li t-trasmissjoni tkun tajba!

Bejn test u ieħor…

Għadni kemm ħriġt mit-test tal-ħajja kkonsagrata. Wow! Illum l-ewwel darba f’5 snin li ħriġt l-ewwel mill-kors. Oħo! Il-verità kienet li tant studjajt ftit li meta eżewrejt l-ideat li kelli (li mhux neċessarjament kellhom x’jaqsmu ma’ dak li kien qal Turu fil-lezzjonijiet), ħriġt għax ma kienx hemm raġuni għala nibqa’ hemm.
Issa għal tal-morali, l-aħħar test. Qabel il-finals!!
Il-punti prinċipali ta’ dak li se niktbe huma dawn:
  • att jidħol fl-ambitu tal-moralità biss jekk huwa volontarju
  • att morali huwa magħmul minn 3 affarijiet: intention, object, circumstance (it-“10c” biex niftkar!)
  • hemm żewġ fini għal kull att: il-finis operis (l-azzjoni fiha nfisha) u l-finis operantis (dak li għandu f’moħħu l-aġent ta’ l-att).
  • S. Tumas ma kienx jara differenza bejn dawn it-tnejn għax kien jemmen li jekk il-finis operis huwa ħażin, allura l-azzjoni kollha hija ħażina. U kellu raġun. Hu kien jiddistingwi bejn il-materja morali u l-materja fiżika. L-istess azzjoni tista’ tkun jew tajba jew ħażina, skond iċ-ċirkustanza morali li tkun fiha. Eż: sess bejn koppja miżżewġa hija azzjoni tajba; sess bejn koppja mhux miżżewġa hu azzjoni ħażina.
  • Veritatis Splendor tgħid li jekk l-oġġett ta’ l-att huwa ħażin, l-intenzjoni tista’ tkun l-aktar ħaġa nobbli u l-konsegwenza tista’ tkun l-aqwa waħda, imma l-att xorta jibqa’ ħażin.
  • L-intenzjoni u ċ-ċirkustanzi jistgħu jagħmlu ħażina azzjoni li fiha nfisha hi tajba. Eż jekk tisraq biex tagħti lill-fqar (Robin Hood syndrome), l-għan huwa tajjeb, imma l-mezzi huma ħżiena, so l-azzjoni kollha hi ħażina. Eż. Jekk tkun kompliċi ma ieħor f’serqa u fil-qorti tiddeċiedi li tgħid il-verità bl-għan li twaħħal lil sieħbek u tiffranka mis-sentenza, l-azzjoni hi tajba imma l-intenzjoni hi ħażina, so l-azzjoni kollha hi ħażina.
  • Lejn tmiem il-medjuevu xi teologi ħarġu bit-teorija tad-double effect biex ikun hemm xi forma ta’ gwida f’każijiet ambigwi. Dan illum ġie sfruttat minn teologi proporzjonalisti u konsegwenzjalisti. Għal dawn jekk l-intezjoni ta’ l-aġent hi tajba, allura l-azzjoni li t-teoloġija tradizzjonali ssejħilha ‘ħażina’ huwa jgħidulha ‘ontic evil’ jew ‘premoral evil’, iġifieri mhux ħażina. Għalihom it-tajjeb hu l-ħażin huma kunċetti astratti u l-konkret huwa magħmul biss mill-intenzjoni ta’ l-individwu u mill-konsegwenzi ta’ l-azzjoni. Jekk l-intenzjoni hi tajba u l-konsegwenzi huma aktar tajbin milli ħżiena, allura anke att ħażin jista’ jagħmel azzjoni tajba.
  • Veritatis Splendor tikkundannhom. Fosthom nistgħu nsemmu lil Curran, Schuller, Jansens, McCormick, Knouer, Fuchs u oħrajn.

Jekk ma jikkuntentax b’dan jista’ jmur jaqbad kopja tal-Veritatis Splendor u jikolha fil-break.

It-Tlieta, 29 ta’ Mejju 2007

Dak ABÙ qed jissogra!

Mela llum, peress li t-test mhux eżattament ħlieli ħafna enerġija (għad-differenza ta’ nies oħra, bħall-prepost ħassu mkisser u kellu bżonn jorqod sagħtejn), wara l-ikel intfajt rajt biċċa minn La Forza del Destino u mbagħad intfajt nistudja. Mela l-ewwel Abù daħal fil-kamra jsaqsini xi ħaġa bla ma ħabbat u tani qatgħa fi msarnejja għadni nħossha s’issa. Imbagħad xi ħin wara, smajt qisu xi ħadd qed iħokk mal-bieb tiegħu u mort ftaħt u sibtu qed jipprova jorbotli l-pum tal-bieb ma’ musmar fl-opramorta biex ma nkunx nista’ noħroġ. Waqt li beda jgerger li ma tajtux ċans jispiċċa anqas induna li kont qed naqbad il-wire li kien qed juża bil-ħsieb li norbtu bih. Meta nduna ħarab u ħrabt warajh, bix-shorts u l-flokk ta’ taħt taċ-ċingi (ksirt regola fundamentali dwar l-ilbies u n-nuqqas tiegħu f'postijiet other than il-kuritur tagħna). Ovvjament, peress li hu fih inqas minni (bħala daqs, piż u, naturalment, moħħ), dejjem kien żewġ passi ‘il quddiem minni. Jien kont qed ngħajjat qisni dimonju “Jekk tiġi taħt idejja nbikkik!” u hu jidħak. Grr. Ġrejna matul il-kuritur tal-propedewtiċi u ħareġ iż-żgħir jitmasħan miegħi għax kellhom laqgħa. Kont se ngħidlu “Mela x’qed tagħmel barra?” jew “X’kien!? Mela xbajtu tiġru barra!?” jew xi ħaġa totalment differenti.
Sakemm għaddiet dil-biċċa xogħol, Abù rnexxielu jiżgiċċa u mar issakkar ġo kamartu. Imma ħalla l-wire barra. So qbadtu u rbattlu l-pum tal-bieb tiegħu mal-pum ta’ bieba li hemm in-naħa l-oħra tal-kuritur (tgħid x’kien l-użu tagħha meta s-Seminarju kien għadu l-College? Forsi t-tfajliet kienu jitfgħu l-katavri ta’ min kien jipprova jidħlilhom fil-karma…?) U sakemm kont qed norbot u nagħmel ħareġ hu mil-loġġ u tefgħali mimli tazza ilma u ħasilni minn fuq s’isfel. Għandkom bil-lest l-istedina għall-funeral tiegħu li se jkun fil-futur qarib.

Liturgy@Birgu.com

Illum kellna l-aħħar test tal-Liturġija. Kelli problema bit-tieni taqsima għax ma stajtx niddeċiedi l-essay li ktibt liema mistoqsija kienet twieġeb! Fl-aħħar ktibt iż-żewġ mistoqsijiet u meta kont ħiereġ bqadt u qatjt waħda minnhom. Hekk jew hekk, kif għedt il-bieraħ, trid tagħmel sforz biex TEĦEL, mhux biex tgħaddi. Imnalla l-Mons kien silifni dak il-ktieb fuq il-talbt al-brevjar għax irriproduċejt l-ewwel kapitlu tiegħu. Njh njh njh.

It-Tnejn, 28 ta’ Mejju 2007

It-test tal-Kristoloġija u l-Marjoloġija u l-aftermath

Dalgħodu kont, kif jgħidu, in a dangerous mood. Speċi kont qed nibża’ niċċaqlaq ħafna ma jmurx nieħu xi skoss u toħroġ xi biċċa nformazzjoni minn rasi, taf int kif jiġrilek meta jkollok wisq materjal mgħaffeġ f’rasek.
Dik is-siegħa bejn il-breakfast u x’ħin tlaqna kienet INFERN. Għat-test konnha f’waħda mill-aktar kmamar koroh u skomdi ta’ l-Università veneranda tagħna – l-SLT. Kellna memorji terribbli tal-lezzjonijiet fuq is-Sesswalità mad-dekan il-ġdid u l-lezzjonijiet fuq it-Teoloġija u l-Ekonomija mad-dekan emeritus. Kollha f’xi ħin indeċenti u jtuk l-impressjoni li ma jispiċċaw qatt. L-istess stajna ngħidu għat-test tal-lum. Ommi ma, OMMI MA! Dawk it-tliet siegħat tant kienu twal, u tant ħassejtni qed nikteb ftit. Għamilt kwarta ntella’ u nniżżel jekk nagħmilx il-mistoqsija sinottika jew nagħmilx 3 essays. Fl-aħhar għaddiet is-sinottika. U nnutajt li waħda mill-mistoqsijiet sinottiċi kienet l-ISTESS waħda li kienet ħarġet fil-FINALS tal-karta tad-Domma sentejn ilu! Mela issa module test VERU SAR QISU FINAL! Prova meri, profs!
Insomma, bħala konklużjoni nista’ ngħid li nittama li hu jifhem il-mistoqsija kif fhimtha jien, inkella I’m in deep mud. And eventually he will be too.

Wara t-test, ovvjament, ma kelli aptit nagħmel xejn. Tgħażżint ħafna mill-ħin u fis-18:00 bdejt nistudja għat-test ta’ għada. Taf int, trid tagħmel xi ħaġa, minkejja li biex teħel trid tagħmel sforz!

Il-Ħadd, 27 ta’ Mejju 2007

Ġurnata minus

Kif timmaġina li tista’ tkun il-ġurnata ta’ qabel l-eżami tal-Kristoloġija u l-Marjoloġija?! Għal ftit mumenti, waqt li kont qed nerġa’ nirrevedi l-ereżiji bit-tama li ma nħawwadx xi waħda ma’ xi konċilju li farrak oħra, bdejt napprezza aktar il-kwalitajiet ta’ l-Ebjoniti. Kieku kellhom raġun konnha niffrankaw dat-test!!!
Barra minn hekk dal-għodu ġrat waħda ta’ min insemmiha. F’12:10 kellna l-uffiċċju tal-qari. Ma’ l-ambone tal-kappella kien hemm terħa ħamra (il-kulur liturġiku prorpju ta’ Għid il-ħamisn). L-ewwel qari tela’ qrah il-Pelly liebes T-Shirt aħmar. It-tieni qari nsejt li kelli naqrah jien (għax il-karta li ħallieli l-Iżmagu użajtha biex ħadt nota dwar telefonata li rrid nagħmel biex niddobba żewġ DVDs ta’ Forċina). Għamilli sinjal u tlajt. X’ħin konnha ħerġin, il-Fusa qalli li jien u l-Pelly donna ftiehmna. Għala? Għax hu kellu l-flokk kulur it-terħa, u jien kelli wiċċi l-istess kulur bħala. OMG.

Il-velja ta' Pentekoste

Illum kellna l-velja ta’ Pentekoste
Did-darba l-Ispirtu s-Santu naħseb li spira lill-Kummissjoni Liturġika u lis-Segretarjat tal-Kleru ta’ l-Arċidjoċesi tagħna biex jagħmlu quddiesa kif inhu xieraq flok xi talent show tedjanti u allarmantement twila żżejjed bħalma ħolmu li jagħmlu s-sena l-oħra. Forsi l-Arċisqof il-ġdid daħħal naqra sens fiha l-affari. Naturalment kellha ssir xi ħaġa naqra oriġinali (inkella għala ssir?!) u l-quddiesa kellha sitt qari u ħames salmi – u l-ewwel qari proprju tal-ġurnata kien l-aħħar wieħed. Ara veru trid tkun il-Kurja ta’ Malta biex toħlom b’dawn… in-novelties. Għal mument ħsibt li eġajna qed nagħmlu l-vġili ta l-Għid! Mill-bqija kienet sabiħa. L-omelija ta’ l-arċ kienet eċċellenti.
Kien hemm statwa ta’ Karlu Darmanin tal-Madonna ta’ Lourdes qisha waħx fuq il-palk/presbiterju (ma nafx x’kienet qed tagħmel hemm). Żgur li kienet storikament żbaljata għax meta l-Madonna dehret lil Bernadette kienet liebsa ‘libsa bajda b’faxxa kaħla. Din kienet liebsa anything but that. Il-libsa kienet donnha xi vjola mitfi u l-faxxa ma stajtx niddeċifra sewwa x’kulur kienet. Il-prepost insista li kienet gold. I have my doubts. There could have been gold once… but now it’s quite poor. U meta nċesaha l-arċisqof minn x'imkien bdiet mota b'żewġ mini-qniepen. Il-prepost qal li kienet ġejja mill-knisja ta' Santa Katarina u Sant'Antnin fejn hija kkonservata dik l-istatwa. Nittama li hija kkonservata sewwa 'l bogħod mid-dawl u mill-għajnejn ma jmurx xi ħadd jisirqilha l-gold.
Fuq wara kien hemm poster daqshiex ta’ Dun Ġorġ bl-Ispirtu s-Santu warajh (ikkuppjat mill-faċċata ta’ l-ewwel enċiklika tal-Papa Deus Caritas Est, edizzjoni tal-Libreria Editrice Vaticana) bil-kliem ‘Sliem għalik San Ġorġ Preca' u xi ħaġa oħra. E mela ġa sar qaddis? Kemm mingħalija kellu jiġi kkanonizzat nhar il-Ħadd li ġej! + din mhux velja ta’ Pentekoste kellha tkun? Jew ġiet trasformata f’xi viġilia antiċipata ta’ San Ġorġ? Boq.

Il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju 2007

San Bażilju u San Mikiel

Illum ġew inawgurati mill-ġdid iż-żewġ knejjes tewmin (b’mitejn sena bejniethom) ta’ San Bażilju u San Mikiel. Dik ta’ San Bażilju hija unika f’Malta u hija wkoll l-eqdem knisja fl-Imqabba. Il-valur storiku tagħha jkompli jikber minħabba l-fatt li peress li fl-1598 kienet l-ikbar knisja fl-Imqabba, hija serviet bħala l-ewwel knisja parrokkjali minn meta l-Imqabba saret parroċċa taħt it-titlu ta’ l-Imqaddsa Marija Mtellgħa s-Sema. Diġà kien hemm knisja ddedikata lill-patruna tar-raħal fejn illum hemm il-knisja parrokkjali, imma din kienet żgħira wisq biex tintuża bħala knisja parrokkjali. Tkabbret għall-ewwel darba fl-1486 u tkabbret darbtejn oħra sa l-1515. F’dil-knisja kienet ġiet eretta l-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju fl-1596, sentejn qabel ma’ l-Imqabba saret parroċċa.
Il-knisja ta’ San Mikiel inbniet għall-ewwel darba lejn tmiem is-seklu XVI, imbagħad saret kif inhi llum fl-1669. Fiha hemm eretta s-sodalità ta’ San Mikiel. Kien fiha diversi ex voto li nserqu, ehm... sparixxew… f’dawn l-aħħar erbgħin sena. Wieħed minnhom għadu jinsab fl-uffiċċju parrokkjali.
Dal-knejjes għamlu kważi seklu jintużaw bħala maħzen ta’ l-armar tal-festa ta’ Santa Marija – ħaġa oġġezzjonabbli għall-aħħar. Insomma, għal grazzja ta’ Alla u ta’ San Bażilju San Mikiel, issa dan l-użu spiċċa. Fost l-imbarazz li kien hemm f’San Mikiel kien hemm il-pulptu tal-knisja, li kien sar fil-bidu tas-seklu XX minn wieħed kunjomu D’Oliva mill’Isla. Għalkemm m’għandux x’jaqsam mal-pulpti barokki u maestużi ta’ diversi parroċċi oħra, xorta waħda huwa ferm eleganti fis-sempliċità tiegħu. Kien ilu madwar erbgħin sena f’rokna f’San Mikiel, u ż-żewġ naħat li kellu skulturati kienu jħarsu lejn il-ħajt. Mhux ta’ b’xejn kont naħseb li għamlu sew li neħħewh daqs kemm kont naħsbu ikrah. Issa nindem minn dak il-ħsieb ħażin li kelli. Hija veru ħasra li qiegħed moħli hemm.
Kien hemm diversi affarijiet li juru kemm dal-knejjes kellhom bżonn dar-restawr. L-aktar ħaġa tal-mistħja li kien hemm kien il-ħmieġ li kellhom mal-faċċat. Barra minn hekk kien hemm l-ilma dieħel mis-saqaf ta’ San Bażilju, l-għoxxenità ta’ żebgħa u wires li kien hemm u, l-aktar ħaġa orrenda, il-madum isfar li kien poġġa l-kappillan Bianco flok iċ-ċangatura antika li kien hemm. Kien hemm il-pittura ta’ San Mikiel li wkoll ġiet restawrata. Impressjonanti kienet il-fidi ta’ xi Mqabbi li fl-antik ta’ daqqa ta’ xi mazza jew gandlier lil ras ix-xitan u flok rasu ħalla toqba daqshiex. Issa rasu reġgħet kibritlu, u l-pittura tista’ titgawda fi ġmielha kollu.
Issa, wara ma nafx kemm, dal-knejjes reġgħu ħadu s-sbuħija oriġinali tagħhom, u nistgħu narawhom fil-glorja kollha tagħhom. J’alla nibqgħu nieħdu ħsiebhom.

Il-Ħamis, 24 ta’ Mejju 2007

Għawdex u l-firem għad-Domma ta’ l-Assunta – Awissu 1950

Matul l-aħħar lezzjoni li kellna fil-kors teoloġiku, li kienet tal-Marjoloġija, kollha qed niddiskutu d-domma ta’ l-Assunzjoni tal-Madonna, dik li l-Papa Benedittu XVI dan l-aħħar fir-riviżta Madre di Dio ddeskriva bħala “espressione del supremo culto della Chiesa a Maria”. Jaħasra, xi ħlew!
Ovvjament bħala Maltin aħna għandna ċerta rabta ma’ l-Assunta peress li hija patruna speċjali tal-Gżejjer tagħna. Imma milli jidher l-Għawdxin għandhom ġibda aktar lejn il-Madonna taħt dan it-titlu tant sabiħ, uniku u glorjuż. U dan huwa attestat bil-PROVI fuq l-Osservatore Romano. OMG!
Meta fl-1950 l-Papa Piju XII kien bgħat ittra lill-Isqfijiet tad-dinja kollha biex jaraw il-poplu nisrani jixtieqx li l-Assunzjoni tal-Madonna tiġi definita ex cathedra bħala domma ta’ fidi, 98.2% ta’ l-Isqfijiet wieġbu li huma jaqblu. Barra minn hekk ġabru l-firem ta’ l-insara kollha li kienu jaqblu ma’ din it-talba. U l-firem inġabru. Nhar it-18 ta’ Ottubru, 1950 ftit ġranet qabel il-jum glorjuż ta’ l-1 ta’ Novemrbu 1950 meta ġiet definita d-domma, il-ġurnal L’osservatore Romano, kellu l-headlines jitkellmu dwar Għawdex (Gabriele Roschini: Petitio pro dogmatica definitione B. Mariae V. corporeae assumptionis ex Diocesi Gaudisiensi in Regione Melitensi) li minnu nġabru 28171 firma… minn popolazzjoni ta’ madwar 25000! Total ta’ 112.7%. Interessanti hux?

Spiċċajna l-SThB!

Illum, il-Ħamis 24 ta’ Mejju 2007 jien u sħabi spiċċajna l-kors tal-baċellerat fis-Sacra Thegologia, li konnha bdejnieh nhar l-1 ta’ Ottubru 2001 – probabilment l-itwal under graduate course li toffri l-Università tagħna (x’kienu qalu fil-Bologna Convention li under graduate course ma jistax ikun tiwal minn 3 snin…?) Insomma. Issa nistgħu ngħidu li aħna lkoll teologi. Nifhmu f’kollox. Ehm.
Meta nħares lura nista’ ngħid li ŻGUR ma kontx għal qalbi daqs kemm kont ħafna snin ilu meta kont qed nagħmel il-kors tat-Taljan (eħħ Dante, sieħbi, kif tlaqtek!) – dak kien żmien! Ftit assignments, konnha nkunu grupp ta’ 4 biss, testijiet fejn ma kienx ikollna esaġerat x’nistudjaw (apparti tal-letteratura, imma dik almenu sabiħa!) u marki sbieħ (ok, m’għandix x’ingerger minn dan ir-rigward. Ħlief f’wieħed. Grr). Insomma il-ħames snin tat-teoloġija u l-filosofija nista’ niddeskrvihom bħala tellieqa kontra l-ħin għax kien hemm drabi meta veru ħassjetha mpossibbli llaħħaq sew ma’ l-istudju (b’mod globali) u l-ħajja tas-Seminarju. Imma sodisfatt li dmiri dejjem għamiltu, minkejja li kien hemm (ħafna) drabi meta kelli aptit intajjar kollox (u xi nies ukoll, ovvjament) mas-sema. Anzi x’imkien aktar ‘il, bogħod u f’angolu iktar orizzontali – għax jgħidu lijekk tobżoq fis-sema jiġi f’wiċċek, ergo, jekk titfa lil xi ħadd mas-sema se jaqa’ fuqek u jgħaffġek.
Insomma, fejn ħallejena? Iva. Issa jgħaddu dal-finals u studju obligatorju (fis-sens li tridu bil-fors) SPIĊĊA . Take my word for it.

It-Tlieta, 22 ta’ Mejju 2007

l-AGM

Illum naħseb li kellna l-aktar AGM spopolat fl-istorja ta’ l-Għaqda. Naħseb aħjar nibdel l-istatut u flok "Laqgħa Ġenerali Annwali" nsejjħulha "Laqgħa ta’ handing over fejn nittamaw li jattendu almenu l-membri kollha tal-kumitat l-antik u l-ġdid". OMG! Anqas il-membri kollha tal-kumitat uxxenti ma kien hemm! Insomma, bħalma jgħidu l-Ingliżi: you cannot have the cake and eat (so why have the cake, pray?). Nikkuntentaw li kellna sena formidabbli fejn il-konkorrenza kienet dejjem aktar milli stennejna u nħarsu ‘l quddiem bil-ħeġġa u bit-tama. Nixtieq ngħid PROSIT kbira liċ-chairperson eċċellenti li kellna li mexxa l-laqgħa b’mod perfett (ok, nammetti, kellu aġenda tajba quddiemu), ngħid grazzi kbira lill-membri tal-kumitat l-antik li kienu preżenti u MERĦBA lill-klikka l-ġdida.


Il-Pres XeJn SeW

P.S. Dan l-AGM kien storiku għal żewġ raġunijiet oħra: għall-ewwel darba ġie mqassam "Logos" fih u għall-ewwel darba l-Melita Theologica ħabbret qliegħ ta’ 54.34%.

It-Tnejn, 21 ta’ Mejju 2007

Il-mixja tad-Domma tat-tnissil bla tebgħa tal-Madonna

Dal-għodu, fil-lezzjoni ta’ qabel ta’ l-aħħar tal-Marjoloġija, il-profs spjegalna l-mixja ta’ 1854 sena ta’ storja ekkleżjastika sa meta l-Knisja pproklamat b’mod definit li d-duttrina li Marija ġiet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub sa minn qabel it-Tnissl tagħha bħala domma ta’ fidi li għandha tiġi mħarsa mill-Kattoliċi kollha. Ovvjament jien imressjonajt lill-profs meta antiċipajtu u għedt il-formula maġika: potuit decuit fecit. (Suppost potuit, decuit, ergo fecit, imma l-ergo ħallejtha barra għax is-sorsi li minnhom kont sirt naf dil-formula kienu nesewha…)

U speaking of dawn is-sorsi: niftakar xi snin ilu kont qrajt feature li fih kienet ġiet itrattata d-domma ta’ l-Immakulata. Kien hemm xi differenzi bejn dak li qal il-profs illum dak li kont tgħallimt mill-feature snin ilu. Kien hemm ukoll, ovvjament, affarijiet simili. Per eżempju: li d-domma ġiet iddikjarata mill-Beatu Papa Piju IX f’Diċembru 1854 fil-bolla Ineffabilis Deus. S’hemm biss qbilna jekk niftakar sew.

Il-Ħadd, 20 ta’ Mejju 2007

F’Bormla għall-aħhar darba…

Illum messni mmur ngħin il-quddies għall-aħħar darba fil-parroċċa kolleġġjata ta’ Marija Immakulata ta’ Bormla. Naturalment it-touch distintiv tiegħi ma setax jonqos… kif bdejt naqra l-evanġleju dehrli li qed naqra wieħed b’ieħor u nżilt mill-ambone nfittex karta min ta’ Jum il-Mulej… tawni waħda (sadattant l-arċipriet ħareġ jara x’ġara għax ħaseb li ħassni ħażin) u bdejt naqra l-evanġleju… li kien l-istess wieħed li bdejt naqra qabel! Naħseb li għal mument in-nies ħasbbi geżwirt biċċa damask ma’ rasi għax is-sħana bdejt inħossha ħierġa minni.
Anyway, barra din il-lacuna żgħira li f’sena qatt ma kont esperjenzjajt, ġibt quddiem għajnejja l-esperjenzi sbieħ kollha li għaddejt f’din is-sena f’dil-parroċċa u mal-kleru tagħha. Daħk, esperjenzai iebsin tan-nies, ħbiberiji, omeliji, ċertifikati, arkivji, mużika, diskussjonijiet, pariri, ikel, sorijiet, talb… u fuq kollox sens ta’ merħba kbira kull fejn mort. Veru hija parroċċa sabiħa u n-nies ta’ fiha veru jafu jħobbu. U tgħallimt ħafna, speċjalment mill-arċipriet. Nittama li llum ingħalaq kapitlu, mhux ktieb.

TLIET DARBIET f’ġurnata!

Minn dan l-aspett patrikulari illum kienet ġurnata terribbli. Tiskanta kif ħafna drabi tkun taf li ħaġa hija vera, imma qisek ma trunx trid tismagħha… din xi tkun hux? Forsi xi forma ta’ ribelljoni kontra r-realtà? Boq.
Insomma. Illum waqt l-ikel konnha qed inqassmu jien u l-iljun. Kelli xagħari mkaħħal bil-gel, kif ħadtha drawwa mill-1 ta’ Mejju ‘l hawn. U bdejt inħoss xi dubbiena ddur ma rasi. Peress li meta kont għadni l-aqwa waiter il-Mistra Village kont tgħallimt li hija kontra l-iġene li tħokk xagħrek waqt li qed tqassam l-ikel, dort fuq l-iljun u saqsejtu hemm xix dubbien mqabbda ġo nofs ix-xagħar bil-gel. X’wieġeb? “Le, kieku tkun tidher!”
Wara l-ikel konnha qed inpaċpċu jien, soru u l-Mater. U f’daqqa waħda, out of the blues, il-Mater qalet: “kemm qed jidħollu xagħru lil Johnny hux!” Jien bqajt inħares lejha. Tipo: ok, grazzi. Ma nafx x’kien… qatt ma naf li l-mater qatt ħadet daqshekk kunfidenza li ċċapashielek ma’ wiċċek b’dak il-mod…
Ta’ fil-għaxija imma kienet l-aqwa. Mort sa tas-Sliema ma’ saċerdot ħabib tiegħu li kont fil-parroċċa miegħu das-sajf u hekk kif ħriġna mill-karozza qalli: “X’tiqriegħ!” Hello!? Kemm ilek tqrar għadek qatt ma tgħallimt li hemm mod u mod kif tgħaddi l-aħbarijiet ħziena!? Bad day… terrible day!

Il-Ħamis, 17 ta’ Mejju 2007

Bħal-lum xahar

Fis-17 ta’ Ġunju ta’ din is-sena l-parroċċa tagħna se tkun qed tiċċelebra t-tifkira tal-Madonna tal-ġilju. Din it-tifkira fl-imgħoddi kienet issir f’diversi lokalitajiet, imma biż­-żmien kollha nqatgħu u baqgħet issir biss fl-Imqabba. Nafu li bdiet issir lejn is-sena 1772 meta twaqqfet il-fratellanza ta’ l-Immakulata, meta l-Imqabba kienet ilha parroċċa kważi mitejn sena. Iċ-ċelebrazzjonijiet ħadu spinta ‘l quddiem mill-bidu tas-seklu XX, meta fl-1911 twaqqaf każin biex jieħu ħsieb il-festa esterna. Il-funzjonijiet liturġiċi, li sa l-1921 kienu jikkonsistu biss f’żewġ għosrien, quddiesa kantata u purċussjoni, żdiedu fl-1922 meta l-president tal-każin ħalla fondazzjoni biex jibda jsir it-tridu. Fil-knisja ċ-ċelebrazzjonijiet idumu sejrin erbat ijiem: jumejn tridu, l-ewwel għasar lejlietha, quddiesa kantanta, t-tieni għasar u purċssjoni nharha. Dis-sena se tkun l-aħħar sena li se nakkumpanja bħala seminarista – sen’oħra bl-alba, bl-istola u l-kullar!

It-Tlieta, 15 ta’ Mejju 2007

Ġurnata oħra

Il-biċċa l-kbira tal-ġurnata kienet STUDJU – iff! Tielgħin! Għalfejn jiġu l-eżamijiet? Illum irrealizzajt li bħal-lum xahar nispiċċaw! Iġri jasal!
In the meantime daħħalt żewġ drammi tal-passjoni fil-PC: Elohim (maħdum f’Bormla fl-1998) u Redemptor (maħdum f’Ħal Tarxien fl-1999), it-tnejn irrekordjati minn fuq Super 1 TV – u bejn wieħed u ieħor l-istazzjoni kien bidel il-logo.
Fil-għaxija ġie jarana l-Arċisqof (ritratti aktar ‘il quddiem), kiel magħna u qalilna li se jitlob għalina waqt l-eżamijiet… naħseb aħjar jitlob għal min jipprepara l-karta u għal min jikkoreġiha! Waqt li kont qed niġbor il-patti, erġajt poġġejt in practice is-silver service li kont tgħallimt il-Mistra Village… memorji… memorji…
Wara, peress li konnha ftit u peress li llum ħabat għeluq snin il-Ġinġer, morna sa l-Imdina nieħdu xi ħaġa tal-ħelu. Dorna ma’ l-Imdina kollha u ħadd ma ried idaħħalna! Tax-Xara Palace, imbasta 5* deluxe, qalilna noqgħodu barra! Oħrajn kienu magħluqin. Fl-aħħar spiċċajna ntfajna l-Point de vue. Ħadna pjaċir.

Bħal-lum 3 xhur…

…jaħbat il-15 ta’ Awissu, meta Malta tiċċelebra l-festa tal-patruna speċjali Santa Marija, u t-tifkira ta’ meta 65 sena ilu kien daħal il-konvoj li salva lil Malta. Apparti l-aċċenni storiċi, għalina nies popolani l-festa = funzjonijiet fil-knisja, mużika sabiħa, purċissjoni, marċi, tiżjin u, ovvjament, NAR. Għalkemm dis-sena ma nafx kemm se ngawdi minnha l-festa (peress li aktar se nkun Ħ’Attard milli pajjiżi), xorta waħda nkun qed nistennieha b’ċerta ħeġġa, bħal festi oħrajn… Insomma, dis-sena naraw x’jagħmlu at Attard, where the people are more civilized

Bioetika

[Din kelli niktibha l-bieraħ, imma peress li ħin minnhom tbaxxa d-dawl, ir-router intefa’ u sakemm dħalt norqod kien għadu ma ġiex postu. Dħalt norqod relattivament kmieni…]
Il-bieraħ kelli mill-15:45 sas-19:30 għassa mat-telefon u bdejt nirrevedi l-Bioetika, li għamilnieh bejn Frar u Mejju 2004, eżatt qabel il-finals tal-B.A. u eżatt qabel ħriġna għas-sena barra… memorji… memorji… Għaddejt minnu biċċa sew tant li spiċċajt kważi nara l-foetuses jgħumu fl-arja madwari. Dalgħodu komplejtu (sakemm spiċċajtu!!!) u mal-foetuses ingħaqdu t-test-tubes, id-DNA u Dolly. Ċerti noti kienu kemmxejn interessanti… oħrajn aktar serji u hemm marbutin magħhom memorji oħra…



Barra minn hekk, il-bieraħ fil-għodu daħħalt fil-PC l-video tal-festa tal-Madonna tal-ġilju mis-serje ta’ Forċina 2002. Peress li t-tape kien xi ftit antik kelli ndaħħlu minn diversi biċċiet differenti u mbagħad qgħadt nilgħab u ngħaqqad. Qabel inżilt mat-telefon ħallejtu għaddej biex jinħaraq fuq DVD, biex infittex inneħħih għax kif kien, kien qed jieħu 9.3GB. Bdejtu fis-14:30 u kkalkulajt li sa x’ħin tibda l-quddiesa, fit-19:45, ikun lest. Fis-19:15 tbaxxa d-dawl u l-PC ntefa’ – 5 siegħat xogħol għalxejn. Imbagħad ħraqtu bil-lejl… m’hemmx x’tagħmel.

Il-Ħadd, 13 ta’ Mejju 2007

Sena ilu...


Bħal-lum sena ilu, meta dal-blog kienu qiegħed hemm imma kien defunct, jien u sħabi tal-kors ġejna stitwiti letturi mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Marija Assunta fl-Imqabba. Minkejja li kelli balla tensjoni, u l-imsaren kienu għoqda, kienet funzjoni sabiħa ferm – wara li spiċċa kollox veru ħassejtni mistrieħ u kuntent. Kellna 4 bukketti l-ġmiel tagħhom, li bħalhom u daqshom il-knisja tar-raħal qatt ma kienet rat (korteżija tal-‘kuġin’ u t’oħti), kellna d-damask mal-pilastri (korteżija ta’ Karmnu) u xegħlulna l-4 linef tan-nofs tal-festi. Oho! U l-knisja kienet ippakkjata – ok, veru li ta’ l-Imqabba ma tridx wisq biex timlieha, imma kienet mimlija u veru sabiħa. Kien hemm anke xi nies barra. L-unika ħaġa li marret żmerġ kienet li s-sur Galea li joħroġ is-CDs u li qed isir popolari fl-Awstarlja u li dakinhar kien video-man, iddeċieda li kien hemm biċċiet li seta’ ma jiġbidhomx. Grr…
Kienet okkażjoni unika għar-raħal, u kellu jkun l-aħħar lettorat li għamel l-.E.T. Mons. Mercieca. Kollox kien pulit u f’postu. Kemm aħna tajbin!

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Mejju 2007

Il-Lettorat

Sħabna tas-sena ta’ warajna komplew mexjin u llum ġew istitwiti bħala Letturi minn Monsinjur Arċisqof Pawlu. Għall-grazzja ta’ Alla ma kontx ċerimonier did-darba (u mnalla għax anqas rehearsal suret in-nies ma kien hemm ċans li jsir minħabba l-ħafna mpenji li għandna!!). Kont sempliċi akkolta. Iċ-ċerimonja saret waqt quddiesa fil-parroċca l-ġdida tiegħi – Marija Mtellgħa s-sema, Ħ’Attard. Xi żewġ abbatini għarfuni, imma nesew x’jisimni. Considering li jien kont insejt x’jisimhom ukoll, no problem.
Kollox mar tajjeb. Insomma, Arċi ġie xi kwarta tard, qabel ġie giet karozza tixbah lil tiegħu u G. Schembri (l-animatur), fuq ordni ta' wieħed miċ-ċerimoniera qal lin-nies iqumu bil-wieqfa; qamu u baqgħu jistennew għalxejn waqt li l-kor baqa’ jkanta bla ħniena over and over again 'Ecce Sacerdos'; ħriġna għall-qiddiesa b’purċissjoni minn ġot-triq u OMG ix-xufier ta’ l-Arċisqof ipparkja l-karozza eżatt quddiem it-taraġ tal-knisja u letteralment ħakkejna mal-ħajt u l-karozza biex dħalna – imnalla jżommha nadifa. U fuq il-presbiterju ma kienx hemm fejn tiċċaqqlaq. Id-darba li jmiss li xi ħadd jazzarda jgħidli li l-presbiterju tar-raħal huwa iżgħar intih daqqa ta’ sieq ġo ħalqu! Il-melodija ta’ l-innu tal-Madonna tixbaħ ħafna dik ta’ innu ta’ partit politiku…

Wara, waqt ir-repos, għamel xi naqra ħoss x’ħin daħal l-arċ u hu b’nofs ċajta qalilhom, “Dari s-seminaristi kienu joqgħodu kwieti!” u professur ieħor (guess who) qallu, “Eċċellenza int mal-patrijiet kont tagħmilha mhux mas-seminaristi!!” U tani ragun. Njh njh njh. Avolja żied, “Insomma, aħna u s-seminaristi m’aħniex bogħod minn xulxin, kważi ħaġa waħda!” Jidher li qed jilbes komma wiesgħa għax dejjem b’waħda lesta! Grr. Wara poġgejna ħdejn xulxin u paċpaċna ftit. Meta qalulu li se nkun Ħ’Attard bħala djaknu qali “Tajjeb, bgħatuh hawn biex ikun taħt għajnejja. Hu jiġi fl-ewwel ta’ Lulju u jien niġi ftit wara.” Ok Eċċ! Din niftakarha – qis li tħalli lil min jarak meta tiġi tgħix fil-parroċċa fejn se nkun jien. Njh.

Kif wasalna lura s-Seminarju u kilt, ftakart li nsejt l-istand tal-camera hemm! Hmph!

L-assembly mal-minor

Dal-għodu kellna l-aħħar attività bħala GMV – l-assembly mat-tfal ta’ l-iskola kollha, li fih, għall-unika darba fis-sena, nagħmlu reklam espliċitu tas-sejħa saċerdotali. Bdejna bit-tajjeb meta l-projector ma riedx jaqra d-dvd fil-laptop. Tlajt ġirja sal-kamra nġib id-DVD video u sa ma nżilt kollox kien qed jaħdem sew. Anqas ħaqq il-ġirja. Wara ma nafx x’kien qed imur ħażin u spiċċajt nargumenta ma’ persuna… importanti… dwar il-ħelu li kellna nagħtu lit-tfal wara li nispiċċaw. Nimmaġina li konnha ħelwin żewġ tadamiet ħomor inħokku mneħirna u nitkellmu f’wiċċ xulxin. OMG! Wara wieħed għalliem, meta għaddielu d-daħk ġie jistaqsini (jew jikkongratula ruħu miegħi) kif irnexxieli nifqgħu dal-għodu. O MY G! Wara bidu naqra ppanikkjat (fejn introduċa dak il-persunaġġ… importanti… u qal li “din ħadu ħsiebha s-seminaristi taħt it-tmexxija ta’ Jon. Hawn hu Jon – kont warajh – issa għamilna paċi” O M G!) kollox mar tajjeb. Alemnu jien kuntent avolja hemm min il-biċċa li għamel hu m’għoġbitux. Anyway, his problem, not mine. Issa niddikjara l-GMV UFFIĊĊJALMENT XOLT. Min kien jgħid li ma konnha nagħmlu xejn jista’ jmur isaqqi l-ħass u jfittex passatemp ieħor.

Il-Ħamis, 10 ta’ Mejju 2007

Johnny…

Il-bieraħ ġew ta’ Richmond Foundation jgħamlulna l-aħħar laqgħa dwar is-saħħa mentali (jew in-nuqqas tagħha). Kienet laqgħa.. interessanti. Apparti mill-fatt li kull x’ħin beda jitkellem l-ex boss tiegħi donnu jien biss kien hemm fis-sala għax lejja biss kien qed iħares, is-suġġett ħa żvolta nteressanti bla ħsieb meta l-lady bdiet titkellem fuq persuna fittizja jisimha Johnny li kien kapaċi ħafna jaffronta l-ħajja, kien organizzat ħafna, kien tajjeb fl-istudju u jġib ħafna A’s… u mbagħad f’daqqa waħda qabditu mental health problem….Komplejt inkun jien iċ-ċentru ta’ l-attenzjoni sakemm il-lady ndunat li ‘Johnny’ huwa isem relattivament komuni u possibbli ssib lil xi ħadd jismu hekk meta qed tagħmel taħdita lil 40 ġuvni…. Oh! The women! Biex tghaqqad meta ndunat li Johnny jista' jkun li niġi jien, xi qlub tajba qalulha "Dak tajjeb fl-iskola" "U jġib ħafna A’s" u ta' ċ li jien komplejt "U għaddejt xi żmien ġo Villa Chelsea…" Zuke qalli "Imma kif trid bil-fors tfattarha!?" I wonder...

It-Tnejn, 7 ta’ Mejju 2007

Il-Mayfair

L-ewwel jew it-tieni Ħadd ta’ Mejju jkun mistenni b’ħafna għożża u ansjetà. Għożża mis-sinjuri tal-PTA u mill-għalliema ta’ l-iskola u s-Surmast… ansjetà mill-povri seminaristi li wara ġurnata jisimgħu l-mużika taħt it-twieqi, jkollhom imorru jżarmaw… u joqgħodu għal dak li jgħidulhom in-nisa tal-PTA (li hi l-agħar biċċa). Dis-sena l-livell tal-mużika kien deċenti ħafna… wieħed seta’ jagħmel sforz u jistudja (ħaħa).

Insomma wara li smajna l-avviż “Niddikjara l-fiera 2007 magħluqa, niddikjara l-fiera 2007 magħluqa. MAGĦLUQA SINJURA! Nitlob lill-voluntiera jinġabru biex iżarmaw u nsejjaħ lis-seminaristi biex jinżlu ħalli jgħinu. Grazzi” kellna bħal tfal bravi ninżlu. Bħal donnu ftehmna konnha kollha (jew kważi) bl-istess flokk – konnha qisna baħrin, jew kif jgħidu, tal-Gozo Channel.
Jien messni ngeżwer u nitfa’ d-drapp ġol-kaxxi. Il-Lady Boss li kellna aktar ħadet grazzja ma’ l-ieħor milli miegħi u kellha l-wiċċ vili tgħidli!! U qaltli li żgur ma tiġix tqerr għandi ma mmurx ingerfixha. Naf li għandi appeal qawwi… imma OMG! ingerfex in-nisa waqt il-qrar gravi! Insomma, biex inpattihielha, kienet warrbet biċċa drapp bajda (bla ma ħallset) biex tpoġġiha fuq il-windscreen u ppakkjajtha ma’ l-oħrajn. Njh njh njh. Imbagħad morna npoġġu (ehm) kollox pulit (ehm ehm ehm) fil-garaxxijiet. Nesew jibgħatu Lady Boss hemm u… sen’oħra se jieħdu qatgħa meta jidħlu fih. Affarijiet li kienu jidhru żmagati, qodma u bla użu bdew jispiċċaw fl-iskip… ma nafx għal liema raġuni kien hemm gozz ippruvaw jitfgħu hemm ukoll xi ħaġa kbira liebsa bħalna, li kienet tiċċaqlaq u tgħajjat…


Ir-ritratti juru:
Wieħed li ma jafx xi jrid jagħmel bis-sellum
Ieħor ma jafx xi jrid jagħmel bis-sellum
Wieħed li jaħseb li ‘tieħu r-ritratti ta’ l-oħrajn jaħdmu’ huwa tip ta’ xogħol
Wieħed b’saħħtu ħafna
Żewġ boloh, wieħed iktar mill-ieħor.
U l-police!





Il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2007

Public speaking, bore-holes u bram

Iff, illum ġurnata ħela ta’ ħin! (Ok, forsi messni qed nistudja flok nikteb il-blog, imma nsomma….)
Fil-għodu kellna sagħtejn public speaking. Grr… speaking of stretching things to the limit! Meta bdiet it-tieni parti – meta kellna ngħamlu taħdita impromptu, kien hemm xi anedotti nteressanti..
Per eżempju: id-D kien qed jitkellem dwar l-użu responsabbli ta’ l-ilma u kkonfronta lill-udjenza dwar kemm jużaw l-ilma b’responsabbiltà u kemm naħlu għal xejn b’xejn. Jien issuġġerejt li nibdew ninħaslu bl-ilma baħar. Meta mbagħad semma l-problema tal-bore-holes u kif qed jinsteraq wisq ilma minnhom u staqsa kif din il-problema tista’ tiġi rriversjata, Zuke issuġġerixxa li nibdew nitfgħu s-San Michel fil-bore-holes ħalli l-livell ta’ l-ilma jerġa’ jogħla… forsi it is worth a try

Ftit wara qam jitkellem sieħbu tal-kors u tkellem dwar il-baħar u l-bram. Naħseb. Semma xi ħaġa fuq li nixtru suit biex ngħumu biha ħalli l-bram ma jigdimniex. Semma xi konsegwenzi terribbli (interessanti) ta’ gdim tal-bram u fl-aħħar semma li l-uniċi annimali li jħobbu din il-forma ta’ delicatessen tal-baħar, il-jelly tal-brama, huma l-fkieren. Semma r-responsabbiltà li dawn jiġu kkurati u preservati u semma li f’Malta kien hawn bajja waħda fejn kienu jbejjtu, imma li issa mtliet kollha turisti u li xi drabi dawn ikunu ndeċenti. Il-Furbu ssuġġerixxa li għalhekk telqu l-fkieren. U jien issuġġerejt li għalhekk ġew il-bram. L-intelliġenza u l-ispirtu pront tagħna huma tassew uniċi.

L-Erbgħa, 2 ta’ Mejju 2007

Jum il-ħaddiem

Ħaġa tajba li għandu Jum il-ħaddiem hi li hija festa pubblika u mhux tal-Knisja! Dan ifisser li università ma jkollniex, il-programm tas-Seminarju jitħassar u… nidħlu lura fl-22:30!! Fil-għodu qgħadt (taparsi) nistudja u nistampa l-flyers ta’ ktieb ġdid biex nibgħathom mal-Melita Theologica. Wara nofsinhar qgħadt inpoġġihom ġo l-envelopes. Domt sakemm qabżet.
Imbagħad mort id-dar u qgħadt hemm inpaċpaċ u nilgħab. Studju!?
Fil-għaxija ħriġt ma’ Mary, Tut u ħabib tagħhom. Morna sa Ta’ Strinġi. Kif dħalt sibt mejda seminaristi. Surprise! Insomma, poġġejna fuq mejda oħra u qgħadna npaċpċu fuq drama therapy, Gestalt, psikoloġija, issues personali, imwiet, mental health, problemi soċjali, relazzjonijiet li spiċċaw… kollox fuq flixkun inbid, so kollox deher interessanti. L-inbid kien Hauteville tad-Delicata. Meta tlabna l-Wine List ġie waiter jaħseb li se jimpressjona u għamel kwarta jgħid fuq l-inbejjed li jġibu mid-dinja kollha. Yawn! Kont se nisplodi l-post bih. Mary tatu ħarsa li donnha kellha f’moħħha xi ħaġa agħar. Ħadt ħafna pjaċir, l-aktar għax kont ilni ma narhom. U Tut ġabitli s-SIM card tal-Vodafone li kont irbaħt fil-pasta night ta’ Palermo. Issa nara jirnexxilix nibdel in-numru b’xejn. Njh njh njh.
Meta ġejt lura s-Seminarju wieħed qalli, “You look bad. Very very bad!” Boq. Forsi għax ippettnajt (cioè ma ppetnajtx) xagħri lura u għamiltlu l-gel? Ma kellix buchi neri fil-memorja = żgur mhux minħabba l-inbid.