
Ftit jafuha l-istorja tat-tifel Skoċċiż li ġie misruq u meħud l-Irlanda bħala lsir, li mbagħad kiber, ra f’ħolma d-destin tiegħu li jevanġelizza l-Ingilterra u l-Irlanda, ħarab sar saċerdot u isqof u mar lura jwettaq destinu. Patrizju dam 33 sena jgħallem u sa dak iż-żmien l-Irlanda kollha kienet saret nisranija. It-tagħlim tiegħu baqa’ sod, in-nies baqgħu jgħożżuh bħala patrun tagħhom tant li l-Irlandiżi rrifjutaw li jiksru l-kuntatt ma’ Ruma mete Enriku VIII waqqaf il-komunità ekkleżjali Anglikana. Prosit Pat! Tina ftit mill-ispirtu tiegħek!
U la qed nitkellmu fuq l-ispirtu, kif tista’ ma taħsibx fl-Irlanda u ma tifktar f’xi pub tal-birra? U jekk is-somom nafu nagħmluhom: Irlanda + pub + birra = GUINNESS!!
Dis-sena l-birra għalqet 250 sena u għalhekk il-produtturi għamlu festa twila ġimgħa (qisha l-festa tar-raħal!!) fejn koċċ pubs madwar id-dinja taw il-Guinness bi prezz speċjali u qassmu l-famuż kappell Irlandiż lil kull min ħa pinta Guinness.
Illum kellna t-tieni laqgħa ta’ l-eżerċizzi għaż-żgħażagħ ġewwa Senglea. Konnha l-klikka ta’ nhar ta’ Tnejn, xi 2 oħra, 2 ħbieb tiegħi minn barra l-Belt u koċċ tf.. adolexxenti. Il-kelliem uża koċċ stejjer mill-Bibbja għat-tfal (mela mhux 15+ !?) u bena l-laqgħa fuqhom, bażikament li lkoll mistednin nilqgħu l-imħabba ta’ Alla fil-ħajja tagħna bħalma għamlu Samwel u Żakkew biex il-ħajja mejta tagħna tieħu l-ħajja mill-ġdid bħall-għadam fi żmien Eżekejl. Inpoġġu fil-ġenb il-fatt li jekk l-għadam kollu li hawn mas-saqajn jew midfun jieħu l-ħajja mill-ġdid ikollna problema. Insomma, f’nofs il-laqgħa kważi kilt wieħed għax kien qed jgħaddi ż-żmien b’kollox. U jkolli ngħid li veru beżżiegħ għax meta rreferejt għalih qagħad jistaħba wara ras sieħbu. Bużżieqa. Naraw jerġax jiqażżes!
Wara l-laqgħa (li rnexxieli nibqa’ mqajjem matulha għax kont bil-wieqfa peress li kont għajjien u bil-ġuħ) jien u 5 oħra morna sal-Conqest Pub (li huwa supporter tal-Manchester United) fix-Xatt ta’ Senglea niċċelebraw lil San Patrizju b’pinta birra.
Il-kappell dam eżattament 112-il sekonda ġo rasi għax bdejn inħossni minus bih. Ma kienx hemm nies, imma taf int, trid iżżomm id-dekor anke quddiem il-ħbieb. Kellna diskursata nteressanti fuq il-kontraċettivi, l-abort, il-morali, il-kaċċa u ċ-Ċisk sakemm saru xi l-23:30. Sakemm indunajt li kont kilt id-dips kollha jien u xrobt il-birra fuq stonku pratikament vojt (veru li l-Guinness tant hi karka li qisek qed tiekol, imma nsomma). Sakemm indunajt li kont qed nara n-nies b’żewġ irjus. Sakemm ftakart li għada għandi tas-6:30!!!!!!!!!
Tutto sommato kienet serata sabiħa ħafna. Ħbiberiji antiki reġgħu issaħħu u kibru ħbiberiji ġodda. Dan kollu bis-saħħa ta’ San Patrizju. U diversi pinet birra. Għal sen’oħra Pat!
No comments:
Post a Comment