It-Tlieta, 17 ta’ Marzu 2009

Prosit father, tat-toilets!

Wara li qaddist tas-6:30, komplejt xi xogħol fuq it-teżi u rajt biċċa episodju ta’ OZ (għax il-bieraħ irqadt f’nofsu) inżilt biex immur l-Università. Kif kont sejjer navża l-arċ li tlaqt kien hemm xi nisa li ġew jinvistaw ir-Redentur li daħlu wkoll jinvistaw il-toilets il-ġodda li l-parroċċa għamlet xi ħmistax ilu. Kien hemm folla ta’ xi ħamsa jagħlqu l-kuritur jistennew wara bieb magħluq.
“Naħseb m’hemm ħadd sinjura.”
“Le father, magħluq,” qaltli waqt li ġibdet il-bieb, li ma tħarrikx.
*sigh*
“Timbuttah trid, sinjura għax kieku għamilnieh jinfetaħ għal barra kemm nies ikunu qed jistennew jispiċċaw b’wiċċhom mifqugħ b’xi daqqa ta’ bieb.”
Ippruvat timbotta. Nies ta’ fidi żgħira! Irrid navża lis-sagristan iwaħħal tabella tgħid PUSH.
“Ara! Dan jinfetaħ ‘il ġewwa!!” X’ċuċ hu Colombo?
U ovvjament kulħadd nesa l-bżonn li sa ftit sekondi qabel kellu, waqt li kulħadd daħal jammira r-refurbishment.
“Prosit father!!!”
“Ta’ xiex?” Sadattant kont għadni qed nipprova naqbeż il-folla biex nitlaq għall-Università. Taf int, student mudell bħali (bil-B.A. Hons., B.A. Theol. & Hum. Stud. u S.Th.B.) ma jkunx irid jasal tard! Inħassar il-kondotta b’sakrileġġ bħal dan!
“Tat-toilets!”
“Mhux jien waħħalhom. U anqas ħallasthom” (fil-fatt naħseb li saru bi sponsor!).
“U iva fr, imma lilek qed naraw! Veru sbieħ u komdi!”
“Ara Grace, hawn wieħed ta’ l-irġiel u wieħed tan-nisa! Prossittt!”
“ħeħe” Immaġinani nidħal għal xi ħaġa daqshekk divertenti.
Imma rriżulta li din fil-fatt kienet l-aktar ħaġa pożittiva tal-ġurnata, għax mort l-Università u l-burdata tad-daħk malajr telqet għax tlajna għalxejn minħabba nuqqas ta’ ftehim ċar min-naħa ta’ xi ras kbira. GRR.

No comments: