Il-Ħamis, 19 ta’ Marzu 2009

Joseph filii David....

Illum San Ġużepp! Minkejja li dis-sena nsejt narma l-istatwa ġimgħa qabel bħas-soltu u armajtha l-bieraħ f’xil-23:30, il-festa ta’ San Ġużepp kellha bidu mhux tas-soltu.
Dis-sena l-vara ta’ San Ġużepp f’Ħal Kirkop tagħlaq 125 mill-miġja tagħha minn Marsilja. U naturalment il-Ġużeppini Koppin ħadu l-okkażjoni biex jiċċelebraw ftit aktar mis-soltu l-festa liturġika. Saru l-eżerċizzi fuq San Ġużepp il-ġimgħa l-oħra (u spiċċajt tapp flok il-kelliem nitkellem dwar San Ġużepp bħala l-patrun tal-mewta t-tajba), il-bieraħ għamlu akkademja mużikali u llum għandu jsir pellegrinaġġ bl-istatwa.
Il-bieraħ kont mistieden għal diversi raġunijiet:
1. għax niktbilhom kull sena fil-ktieb tal-festa,
2. ħabba li mort tajt waħda mil-laqgħat ta’ l-eżerċizzi u
3. għax kien hemm oħti tkanta mal-banda.
Ħadt pjaċir. Il-mużika kienet sabiħa, il-knisja kienet armata sabiħ – insomma dik l-istatwa ssebbaħ kull fejn tkun (bla ma nnaqqas mill-merti lill-istatwa ta’ San Leonardu li wkoll hi sabiħa ħafna). F’nofs l-akkademja nkixef il-pedestall li għadu kemm ġie lura mill-induratura. Veru ġie sabiħ.
Wara morna sal-każin għall-kxif ta’ l-arkivju mużikali l-ġdid tal-banda. Minn fejn kont ma rajt xejn. X’tagħmel? Rajt, iżda, l-istatwi l-antiki taċ-ċeramika li kienu jintramaw fil-pjazza fl-imgħoddi. Sbieħ u rfinuti (fis-sens li mhumiex figolli bħal diversi statwi li naraw jiġru mal-pjazez u t-toroq), imma mill-qirb jidhru naqra grotteski... naħseb min ħmiehom ma kellux f’moħħu l-grazzja li s-soltu tkun attribwita lill-persunaġġi Bibbliċi. Imbagħad ħrabt għax kien hemm koċċ nies li nafhom u ma kellix aptit neħel. Bidu sabiħ. Naraw illum ikollix ċans immur sar-Rabat jew sa Ħal Kirkop.

No comments: