
Naħseb li l-classification li qed tgħallem qed titlagħlha għal rasha.
IMMA l-effett li kellha żgur il-mistoqsija tagħha kien li għal mument mort lura l-mogħdija tal-evoluzzjoni diversi millennja u ħassejtni xadina qed tiekol werqa. Isa ħej! Dal-progress kollu biex xi ħaġa bħal qaqoċċa terġa’ ġġibna... XADINI! Imbasta d-degrees!
U la semmejna d-degrees...b’kumbinazzjoni xi 4 siegħat ilu ċempel wieħed ta’ l-NSO u qagħad
isaqsi x’naħdmu, kemm studjajna eċċ eċċ. L-ewwel ħaġa li qalli kienet “Sur Farrugia, se noħodlok ftit minn ħinek” (aħjar qal, “ħa naħlilek siegħa minn ħajtek” għax kelli nispellilu l-indirizz u l-materja li studjat oħti). Staqsieni kemm għandhom żmien ommi u missieri għax mill-aħħar statistika li ħadu kibru (imnalla qalli). L-aħħar statistika kienet fl-2005 u staqsieni b’kemm snin kibru. Ta’ l-għaġeb. Għedtlu li missieri għandu 63 u ommi 62. Imbagħad dorna fuq oħti l-kbira u qalli, “Oħtok għandha sena hux?” Kont se ngħidlu “Adottawha jew?!” Mid-dehra meta ħadu l-istatistika fl-2005 u hi kienet għadha qed tistudja, li min ġabar l-informazzjoni immarka / ħdejn “età” u l-għaref li qrah iddeċieda li għandha sena. Għedtlu li għandha dottorat minn Cambridge fil-Haematology u qalli “skuża l-injuranza tiegħi u spellihieli.” M'hemm xejn bħas-sinċerità! “U inti sur Farrugia, skond l-istatistika int għandek degree, hux hekk?” “Għandi 3.” Ma ħadimx għalihom hu! Coming to think of it... il-parċmini naħseb ħaqqhom post aħjar milli jimteddu fil-qiegħ ta’ kexxun....

No comments:
Post a Comment