Il-Ħamis, 19 ta’ Marzu 2009

Joseph filii David....

Illum San Ġużepp! Minkejja li dis-sena nsejt narma l-istatwa ġimgħa qabel bħas-soltu u armajtha l-bieraħ f’xil-23:30, il-festa ta’ San Ġużepp kellha bidu mhux tas-soltu.
Dis-sena l-vara ta’ San Ġużepp f’Ħal Kirkop tagħlaq 125 mill-miġja tagħha minn Marsilja. U naturalment il-Ġużeppini Koppin ħadu l-okkażjoni biex jiċċelebraw ftit aktar mis-soltu l-festa liturġika. Saru l-eżerċizzi fuq San Ġużepp il-ġimgħa l-oħra (u spiċċajt tapp flok il-kelliem nitkellem dwar San Ġużepp bħala l-patrun tal-mewta t-tajba), il-bieraħ għamlu akkademja mużikali u llum għandu jsir pellegrinaġġ bl-istatwa.
Il-bieraħ kont mistieden għal diversi raġunijiet:
1. għax niktbilhom kull sena fil-ktieb tal-festa,
2. ħabba li mort tajt waħda mil-laqgħat ta’ l-eżerċizzi u
3. għax kien hemm oħti tkanta mal-banda.
Ħadt pjaċir. Il-mużika kienet sabiħa, il-knisja kienet armata sabiħ – insomma dik l-istatwa ssebbaħ kull fejn tkun (bla ma nnaqqas mill-merti lill-istatwa ta’ San Leonardu li wkoll hi sabiħa ħafna). F’nofs l-akkademja nkixef il-pedestall li għadu kemm ġie lura mill-induratura. Veru ġie sabiħ.
Wara morna sal-każin għall-kxif ta’ l-arkivju mużikali l-ġdid tal-banda. Minn fejn kont ma rajt xejn. X’tagħmel? Rajt, iżda, l-istatwi l-antiki taċ-ċeramika li kienu jintramaw fil-pjazza fl-imgħoddi. Sbieħ u rfinuti (fis-sens li mhumiex figolli bħal diversi statwi li naraw jiġru mal-pjazez u t-toroq), imma mill-qirb jidhru naqra grotteski... naħseb min ħmiehom ma kellux f’moħħu l-grazzja li s-soltu tkun attribwita lill-persunaġġi Bibbliċi. Imbagħad ħrabt għax kien hemm koċċ nies li nafhom u ma kellix aptit neħel. Bidu sabiħ. Naraw illum ikollix ċans immur sar-Rabat jew sa Ħal Kirkop.

It-Tlieta, 17 ta’ Marzu 2009

Prosit father, tat-toilets!

Wara li qaddist tas-6:30, komplejt xi xogħol fuq it-teżi u rajt biċċa episodju ta’ OZ (għax il-bieraħ irqadt f’nofsu) inżilt biex immur l-Università. Kif kont sejjer navża l-arċ li tlaqt kien hemm xi nisa li ġew jinvistaw ir-Redentur li daħlu wkoll jinvistaw il-toilets il-ġodda li l-parroċċa għamlet xi ħmistax ilu. Kien hemm folla ta’ xi ħamsa jagħlqu l-kuritur jistennew wara bieb magħluq.
“Naħseb m’hemm ħadd sinjura.”
“Le father, magħluq,” qaltli waqt li ġibdet il-bieb, li ma tħarrikx.
*sigh*
“Timbuttah trid, sinjura għax kieku għamilnieh jinfetaħ għal barra kemm nies ikunu qed jistennew jispiċċaw b’wiċċhom mifqugħ b’xi daqqa ta’ bieb.”
Ippruvat timbotta. Nies ta’ fidi żgħira! Irrid navża lis-sagristan iwaħħal tabella tgħid PUSH.
“Ara! Dan jinfetaħ ‘il ġewwa!!” X’ċuċ hu Colombo?
U ovvjament kulħadd nesa l-bżonn li sa ftit sekondi qabel kellu, waqt li kulħadd daħal jammira r-refurbishment.
“Prosit father!!!”
“Ta’ xiex?” Sadattant kont għadni qed nipprova naqbeż il-folla biex nitlaq għall-Università. Taf int, student mudell bħali (bil-B.A. Hons., B.A. Theol. & Hum. Stud. u S.Th.B.) ma jkunx irid jasal tard! Inħassar il-kondotta b’sakrileġġ bħal dan!
“Tat-toilets!”
“Mhux jien waħħalhom. U anqas ħallasthom” (fil-fatt naħseb li saru bi sponsor!).
“U iva fr, imma lilek qed naraw! Veru sbieħ u komdi!”
“Ara Grace, hawn wieħed ta’ l-irġiel u wieħed tan-nisa! Prossittt!”
“ħeħe” Immaġinani nidħal għal xi ħaġa daqshekk divertenti.
Imma rriżulta li din fil-fatt kienet l-aktar ħaġa pożittiva tal-ġurnata, għax mort l-Università u l-burdata tad-daħk malajr telqet għax tlajna għalxejn minħabba nuqqas ta’ ftehim ċar min-naħa ta’ xi ras kbira. GRR.

Viva St Paddy! (tinqara GUINNESS)

Illum San Patrizju! Il-qaddis li kkristjanizza l-Irlanda. U ħafna għadhom sal-lum jimxu fuq l-eżempju tajjeb li tahom, għax ghadhom KATTOLIĊI!!
Ftit jafuha l-istorja tat-tifel Skoċċiż li ġie misruq u meħud l-Irlanda bħala lsir, li mbagħad kiber, ra f’ħolma d-destin tiegħu li jevanġelizza l-Ingilterra u l-Irlanda, ħarab sar saċerdot u isqof u mar lura jwettaq destinu. Patrizju dam 33 sena jgħallem u sa dak iż­-żmien l-Irlanda kollha kienet saret nisranija. It-tagħlim tiegħu baqa’ sod, in-nies baqgħu jgħożżuh bħala patrun tagħhom tant li l-Irlandiżi rrifjutaw li jiksru l-kuntatt ma’ Ruma mete Enriku VIII waqqaf il-komunità ekkleżjali Anglikana. Prosit Pat! Tina ftit mill-ispirtu tiegħek!
U la qed nitkellmu fuq l-ispirtu, kif tista’ ma taħsibx fl-Irlanda u ma tifktar f’xi pub tal-birra? U jekk is-somom nafu nagħmluhom: Irlanda + pub + birra = GUINNESS!!
Dis-sena l-birra għalqet 250 sena u għalhekk il-produtturi għamlu festa twila ġimgħa (qisha l-festa tar-raħal!!) fejn koċċ pubs madwar id-dinja taw il-Guinness bi prezz speċjali u qassmu l-famuż kappell Irlandiż lil kull min ħa pinta Guinness.
Illum kellna t-tieni laqgħa ta’ l-eżerċizzi għaż-żgħażagħ ġewwa Senglea. Konnha l-klikka ta’ nhar ta’ Tnejn, xi 2 oħra, 2 ħbieb tiegħi minn barra l-Belt u koċċ tf.. adolexxenti. Il-kelliem uża koċċ stejjer mill-Bibbja għat-tfal (mela mhux 15+ !?) u bena l-laqgħa fuqhom, bażikament li lkoll mistednin nilqgħu l-imħabba ta’ Alla fil-ħajja tagħna bħalma għamlu Samwel u Żakkew biex il-ħajja mejta tagħna tieħu l-ħajja mill-ġdid bħall-għadam fi żmien Eżekejl. Inpoġġu fil-ġenb il-fatt li jekk l-għadam kollu li hawn mas-saqajn jew midfun jieħu l-ħajja mill-ġdid ikollna problema. Insomma, f’nofs il-laqgħa kważi kilt wieħed għax kien qed jgħaddi ż-żmien b’kollox. U jkolli ngħid li veru beżżiegħ għax meta rreferejt għalih qagħad jistaħba wara ras sieħbu. Bużżieqa. Naraw jerġax jiqażżes!
Wara l-laqgħa (li rnexxieli nibqa’ mqajjem matulha għax kont bil-wieqfa peress li kont għajjien u bil-ġuħ) jien u 5 oħra morna sal-Conqest Pub (li huwa supporter tal-Manchester United) fix-Xatt ta’ Senglea niċċelebraw lil San Patrizju b’pinta birra.
Il-kappell dam eżattament 112-il sekonda ġo rasi għax bdejn inħossni minus bih. Ma kienx hemm nies, imma taf int, trid iżżomm id-dekor anke quddiem il-ħbieb. Kellna diskursata nteressanti fuq il-kontraċettivi, l-abort, il-morali, il-kaċċa u ċ-Ċisk sakemm saru xi l-23:30. Sakemm indunajt li kont kilt id-dips kollha jien u xrobt il-birra fuq stonku pratikament vojt (veru li l-Guinness tant hi karka li qisek qed tiekol, imma nsomma). Sakemm indunajt li kont qed nara n-nies b’żewġ irjus. Sakemm ftakart li għada għandi tas-6:30!!!!!!!!!
Tutto sommato kienet serata sabiħa ħafna. Ħbiberiji antiki reġgħu issaħħu u kibru ħbiberiji ġodda. Dan kollu bis-saħħa ta’ San Patrizju. U diversi pinet birra. Għal sen’oħra Pat!

Il-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu 2009

Il-kuntrasti tal-ħajja...

Il-ħajja mimlija kuntrasti. Bħal ngħidu aħna żewġ fliexken inbid. Immaġinak toħroġ filgħaxija u tmur mal-ħbieb tixrob xarba Chablis akkumpanjat minn salami and cheese salad bil-ftajjar għadhom sħan, u inqas minn tmien siegħat wara – meta tkun għadek bit-togħma tax-Chablis f’ħalqek u l-ispirtu tax-Chablis idur ġo rasek – issib li s-sagristan ippreparalek grokk inbid tal-bdiewa li l-kulur tiegħu biss ukoll ikabbarlek ulċera fl-istonku. X’tagħmel? Il-ħajja mimlija kuntrasti.
Meta mbagħad tkun ġejt vulgarment imqajjem fis-2:36 ta’ filgħodu minn ragħda ta’ dimensjonijiet gargantwi (bl-inglix ngħidu gargantuan, bil-Malti ma nafx x’tiġi) tant li taħseb li sploda xi vapur fil-baċir ta’ wara l-bażika, jew li taret xi kamra tan-nar, jew li sploda xi tank tal-gass, jew inkella li waqgħet il-bażilka (li hija problema AKBAR minħabba li d-Domus Curialis hija bieb ma’ bieb magħha...) taf int... tgħid, “Ok. Il-bieraħ ixxalajt, illum storja oħra.”

U wara din il-qatgħa jkun hemm xi devota (għax dejjem nisa jkunu) li ċċempel fil-5:09 biex tara (please note) bħal-lum ħmistax fi x’ħin hi l-purċissjoni tar-Redentur tgħid, “Ok. Se tkun ġurnata iebsa.”

U mbagħad wara dan kollu ssib il-Farmers wine. U jkollok bil-fors tammetti li wara telgħa jkun hemm niżla, bla tumbati, u li tispiċċa xi sular jew tnejn aktar ‘l isfel minn fejn tkun bdiet it-telgħa. Got the point?

Bħalissa s-13:38 u għalhekk se mmur nipprova nirkupra dak li tlift dal-lejl. U nippova ninsa x’ġara mill-aħħar tazza Chablis s’issa, forsi nkun nista' nikkwota lil Christine Baranski f'Mamma Mia: "[This morning] never happened. I have thrown a veil over [this morning]."

L-Erbgħa, 4 ta’ Marzu 2009

Qaqoċċ u l-NSO...

Mela, la qiegħedin fir-Randan, is-soltu l-menù tad-dar idaħħal xi varjazzjonijiet biex kemm jista’ jkun jiġu evitati l-laħmijiet! Fosthom xi ikla tajba qaqoċċ. U llum konnha qed nieklu qaqoċċ. Wara ħasla mingħand oħti għax skond hi kont qed naħli nofs il-weraq, oħti l-oħra, id-dr, ġietha l-idea grandjuża li tistaqsi “Tgħid xi ħadd kif ġietu l-idea li jiekol qaqoċċa?”


Naħseb li l-classification li qed tgħallem qed titlagħlha għal rasha.


IMMA l-effett li kellha żgur il-mistoqsija tagħha kien li għal mument mort lura l-mogħdija tal-evoluzzjoni diversi millennja u ħassejtni xadina qed tiekol werqa. Isa ħej! Dal-progress kollu biex xi ħaġa bħal qaqoċċa terġa’ ġġibna... XADINI! Imbasta d-degrees!

U la semmejna d-degrees...b’kumbinazzjoni xi 4 siegħat ilu ċempel wieħed ta’ l-NSO u qagħad isaqsi x’naħdmu, kemm studjajna eċċ eċċ. L-ewwel ħaġa li qalli kienet “Sur Farrugia, se noħodlok ftit minn ħinek” (aħjar qal, “ħa naħlilek siegħa minn ħajtek” għax kelli nispellilu l-indirizz u l-materja li studjat oħti). Staqsieni kemm għandhom żmien ommi u missieri għax mill-aħħar statistika li ħadu kibru (imnalla qalli). L-aħħar statistika kienet fl-2005 u staqsieni b’kemm snin kibru. Ta’ l-għaġeb. Għedtlu li missieri għandu 63 u ommi 62. Imbagħad dorna fuq oħti l-kbira u qalli, “Oħtok għandha sena hux?” Kont se ngħidlu “Adottawha jew?!” Mid-dehra meta ħadu l-istatistika fl-2005 u hi kienet għadha qed tistudja, li min ġabar l-informazzjoni immarka / ħdejn “età” u l-għaref li qrah iddeċieda li għandha sena. Għedtlu li għandha dottorat minn Cambridge fil-Haematology u qalli “skuża l-injuranza tiegħi u spellihieli.” M'hemm xejn bħas-sinċerità! “U inti sur Farrugia, skond l-istatistika int għandek degree, hux hekk?” “Għandi 3.” Ma ħadimx għalihom hu! Coming to think of it... il-parċmini naħseb ħaqqhom post aħjar milli jimteddu fil-qiegħ ta’ kexxun....

Wara hafna...

Kulħadd uman! U ċedejt għat-tentazzjoni li kultant inkompli nitfa’ xi ħaġa fil-blog li sentejn ilu kellu sequaela notevoli. (Xi żmien aqwa biex iċċedi għal xi tentazzjoni minn żmien ir-RANDAN?! OMG) Biss did-darba b’varjazzjoni żgħira. Mhux se jkun in public domain.... imma jkunu jistgħu jarawh the select few, l-illuminati, il-5%, l-Injostiċi eċċ eċċ eċċ, got the point? Mela jekk irċevejt l-invit, kun af li int wieħed/waħda minn dawn in-nies li veru nafda!

Insomma, il-ħajja kienet interessanti ferm mill-aħħar post li tfajt, li għall-informazzjoni ta’ kulħadd ma ruwha ħadd minħabba li ktibtha imma ħallejt il-blog mhux aċċessibbli. Issa tistgħu tarawha.

Il-ħajja ta’ qassis sabiħa u interessanti. Ħbiberija ma’ saċerdoti, kultant xi ħarġa ‘l hawn u ‘l hemm, tara d-differenza li biha jibdew jittrattawk ħbiebek (avolja għamilt minn kollox biex jibqgħu jarawni bħala dak il-ħabib kaxxa ġenn xEjN sEw li kienu jafu... imma naħseb li it goes with the job!)

Kien hemm min kien veru risky u rriskja jafdali t-tridu tal-festa jew it-traslazzjoni, jew il-viġilja jew il-paniġierku (OMG) jew il-purċissjoni. Timmaġinani fuq pulptu!? Kien hemm it-tridu ta’ San Bert f’Ħal Għargħur, il-purċissjoni ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, xi quddiesa tal-kwindiċina fil-Gudja, it-traslazzjoni, il-viġilja, l-għasar u l-purċissjoni ta’ l-Assunta fl-Imqabba, it-traslazzjoni u l-viġilja ta’ San Ġiljan f’San Ġiljan (aka St Julians), il-purċissjoni ta’ Marija Bambina f’Senglea, il-paniġierku tal-Madonna ta’ l-Isperanza fil-Mosta, l-paniġierku tal-Madonna ta’ Loreto fil-Gudja u l-viġilja ta’ San Ġiljan f’Senglea. Imma nsomma, kollox għadda u kollox mar tajjeb. U hemm xi bookings għal dis-sena, fosthom il-paniġierku, l-għasar u l-purċissjoni tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba.

Bħalissa ninsab veru kuntent! Il-ħajja sabiħa u dejjem hemm xi ħaġa ġdida. Ovvjament dejjem ikun hemm xi ħaġa MHUX ġdida (bħal xi kanna), imma kollox jgħaddi. Kollox frugħa. Ok it-teżi qed taffettwani.

U speaking of it-teżi! Il-bieraħ kont sejjer għand iz-zija għall-kwiet biex inkompli naħdem fuqha. Tlaqt mid-dar u sakemm wasalt fit-tmiem it-triq (xi 10 metri bogħod) u sibt puncture. Bdiltu u l-istepney kienet imtaqqba wkoll. Grr. Qabbadt il-kumpressur u għamel nofs siegħa jagħti (għax intant ċemplet iz-zija ta’ l-Awstralja biex tagħti l-għomor lil ommi) u r-rota baqgħet ċatta ma’ l-art. Grr grr. Mort s’għand tal-punctures biex nibdlu (fuq rota ċatta) u ġibt ir-rota trietaq. Grr grr grr. Xtrajt rota oħra u sewwejt dik li kien baqa’ u mort għand iz-zija. U ma kellix ċwievet. Ok. That’s it. Il-bieraħ bla teżi. (Insomma mort fil-għaxija u komplejt xi ftit.) Mela bħalma għedt, il-ħajja dejjem b’xi ħaġa ġdida – min qatt ħa 2 punctures f’daqqa u mexa fuq wieħed sakemm ġab ir-rota żigarelli!?)