It-Tlieta, 31 ta’ Lulju 2007

-338: el santo de dias - San Injazju ta' Loyola

Dan kien nobbli Spanjol, paġġ fil-qorti ta’ Ferdinandu u Isabella (li dan l-aħħar tħarrket il-kawża għall-beatifikazzjoni tagħha! About time too…) Kien suldat u darba laqqat ferita minn bomba ta’ kanun (wieħed milli kien jagħallimni t-Taljan fl-Università, Dottor Chiari, jgħid li kienet l-ewwel darba li ntuża kanun!). Meta kien qiegħed fl-isptar jirkupra ried jaqra xi rumanz (kien iħobb il-qari), imma tawh ktieb tal-ħajjiet tal-qaddisin u tal-ħajja ta’ Kristu. U sar miraklu! Il-kotba bidlulu ħajtu u meta seta jimxi mill-ġdid ħa l-vot tal-kastità. Għamel żmien jgħix ta’ eremita ġo għar, mexa minn Ruma sa Ġerusalemm u ħadem ħafna biex jikkonvertu l-Musulmani. Ta’ 37 sena beda jistudja t-Teoloġija (u llum niskantaw għax jidħlu koċċ adulti jkagħmlu l-kors!) u ġie ordnat saċerdot xi snin wara. Nhar Santa Marija ta’ l-1534 waqqaf il-Kumpanija ta’ Ġesù, magħrufin bħala l-Ġiżwiti, li rċevew l-approvazzjoni tal-Papa fl-1541. Kellhom storja twila u mħarbta ħafna x’jgħixu dar-reliġjużi!
Lezzjoni: kultant tista’ tkunu ħaġa veru żgħira u komuni (bħal ngħidu aħna ktieb) li jwasslek biex tagħraf lil Alla! Għalhekk, inżommu għajnejna miftuħin anke għall-affarijiet iż-żgħar!

It-Tnejn, 30 ta’ Lulju 2007

Is-sorprizi tal-bidu tal-Kwindicina...

Illum jibda żmien tassew għal qalbi – il-ħmistax il-ġurnata ta’ preparazzajoni spiritwali għall-festa tal-glorifikazzjoni ta’ Ommna Marija. U dis-sena dan il-jum għażiż ġab miegħu xi sorpriżi mhux mistennija…

L-ewwel waħda kienet il-ħruq tal-murtalun fl-4:00 ta’ filgħodu. Kont ħsibt li qatgħu qalbhom li jkomplu jagħmluh, imma mid-dehra d-demm għadu jitla’ għal xi mħuħ. U nsomma, skond il-liġi jew kontriha, fl-4:00 nħaraq il-famuż murtalun li riegħed ir-raħal u qajjem lil kulħadd, devoti u mhumiex ta’ Santa Marija. (ok, nammetti, lili ma qajjimnix. Njh njh. Imma qajjimni ta’ warajh, fit-8:00.)

La fit-8:00 kont għadni fis-sodda, il-quddiesa ma lħaqthiex. Għalhekk mort għal tad-9:00 is-Swatar biex wara ngħaddi sa l-Università biex nagħti daqqa ta’ għajn lin-notice board tal-fakultà biex nara dak li qaluli hux veru. Mort u rajt SUMMA CUM LAUDE ma wiċċi! Wow! Fl-aħħar irnexxieli! Wara 2 degrees Egregia cum laude u magna cum laude fl-aħħar waslet is-summa. Ma nafx kontx qed nistennieha jew le! Imma nsomma, ħadt gost biha! Naraw ikollix nerġa’ nagħmel il-graduation speech!

Wara dik mort niġbor il-kotba tal-liturġija tas-solennità ta’ l-Assunzjoni tal-Madonna mingħand dak li offra li jwaħħal il-qxur mal-ġewwieni. Ġew sbieħ. Kif wasalt id-dar sibt missed call u messaġġ mingħand wieħed ħabib li ilna ma niltaqgħu żmien twil. Morna ngħumu għuma ġol-baħar imqalleb f’Xorb l-Għaġin u veru ħadna gost!
Hekk kif kont sejjer lura d-dar rajt l-Imqabba qisha ġo sħabha trab. Ir-riefnu li qam kien xi ħaġa inkredibbli. Mort fittixt niżżilt il-bandiera l-ġdida qabel ma nqalgħet bl-arblu (ehm… kanna) b’kollox.
Fil-għaxija kellna mmorru Kemmuna ma’ tas-Seminarju, imma minħabba r-riħ bqajna Malta. X’tagħmel? Xorta ħadna gost, imma ma domniex daqs kemm kien ippjanat. Allura ittawwalt sal-Gudja u bqajt għall-aħħar biċċa tal-pellegrinaġġ bl-istatwa li dis-sena tagħlaq 200 sena. Ġabuha proċessjonalment minn Palazzo d’Aurel. Ma kienx hemm folol, imma kienet sabiħa.

2 festi u nofs f'ġurnata!

Ġurnata mhux tas-soltu… Wara tliet quddisiet fil-għodu (li waħda minnhom kelli nkanta fiha!) assistejt għall-ħruġ min-niċċa tal-vara unika u meraviljuża ta’ Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Kien sabiħ u… ehm… mhux tas-soltu. L-ewwel nett il-musketterija u l-ftit murtali kienu sinjal biex in-nies imorru l-knisja (flok ma saru meta ħarġet il-vara), imbagħad kien hemm speċi ta’ omelija dwar it-tifsir tal-festa għall-komunità parrokkjali, imbagħad il-kappillan bierek lin-nies (is-soltu kien ibierek u jinċensa l-vara, imma did-darba kien oriġinali), mar ħdejn in-niċċa fetaħha u ħarġuha bil-bradella b’kollox. Kien hemm ċapċipa pulita (after all we’re at Attard!). Ħadu l-Madonna sa ħdejn il-bieb, refgħuha (kważi qalbuha għax refgħu ta’ naħa waħda biss! Il-knisja kollha nħasdet!) u mbagħad bdew imexxuha bil-mod sa ħdejn il-presbiterju biex ipoġġuha fuq il-bradella. Ħin minnhom kienet waslet sa ħdejn in-niċċa, imbagħad paċpaċt ftit ma’ l-abbatini u meta ħarist reġgħet kienet ħdejn il-bieb. Ħakkejt tnejn rasi… imbagħad il-prefett spjegali li biex il-kappillan ikollu ċans jiġbor, jimxu pass ‘il quddiem u tnejn lura. Boq. After all we’re at Attard. Njh. Insomma f’temp ta’ kwarta ġabru Lm1052. Wow.
L-innu għoġobni mmens.
Tiegħla s-sema, wiċċha jiddi
Bħaż-żerniq ta’ jum sabiħ
Dawl ix-xemx il-libsa tagħha
Fuq is-sħab b’sieqha tistrieħ!






Fil-għaxija erġajt mort il-parroċċa u mbagħad wara għaddejt sa Santa Venera. Minkejja d-doti li għandha l-vara, fil-knisja l-ġdida u fi Triq San Ġużepp tidher pjuttost… mitlufa. U forsi mnalla. Ħadt żewġ ritratti ta’ Vinny u mbagħad mort ninviżta l-knisja l-qadima u bqajt hemm sakemm wasslu l-vara hemm. Kien hemm koċċ ċapċip meta waslet ħdejn il-knisja u meta reġgħet bdiet miexja.




Wara mort sal-belt għall-festa ta’ San Duminku, patrun tal-parroċċa matriċi tal-Belt Valletta, allura patrun tal-Belt, minkejja dak li jingħad minn oħrajn. Ma pressjonajtx ruħi bin-nies x’ħin wasalt…dort dawra mal-knisja. Sabiħa ħafna. Qbadt inpaċpaċ ma’ saċerdot li jifhem fl-arti u qalli din hi l-isbaħ statwa ta’ Malta u hi biċċa xogħol ta’ arti ta’ livell internazzjonali.. Ir-raġuni hi li l-qawwa u l-grazzja fiha jilħqu bilanċ perfett. Nammetti li togħġobni ħafna. Naġseb li mill-vari tal-Belt San Duminku, f’għajnejja, jibqa’ l-isbaħ. Meta wasal biex jidħol il-folla li nġabret quddiem u ġol-bażilka kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Iċ­-ċapċip kien qawwi, imma f’loku. Ħadt ħafna gost.

-339: the saint of the day - San Leopoldu Bogdan Mandic

Leopoldu twieled fil-Kroazja, kellu xi deformazzjoni u kien ta’ saħħa fiżika dgħajfa imma ta’ saħħa spiritwali formidabbli. Sar kapuċċin u għadda ħafna snin f’kunventi fl-Italja u f’pajjiżu, minnkella li xtaq isir missjunarju fl-Ewropa biex jaħdem għall-għaqda fir-reliġjon nisranija. Għadda sena l-ħabs matul l-Ewwel Gwerra dinjija minħabba li kien Kroat.
Ħajtu kienet kuntrast kontinwu bejn iċ-ċokon tiegħu tiegħu (anqas kien twil 5 piedi!) u l-ġkantezza spiritwali tiegħu. Il-mard li kellu kieku ftit ftit. Dan wasslu biex jagħraf iċ-ċokon tiegħu quddiem Alla u jaċċetta s-saħħa dgħajfa li kellu b’serentià. Ħaġa li kien spiss jgħid lill-eluf li kienu jmorru jqerru għandu (għal 40 sena għadd aktar minn 12-il siegħa kuljum fil-konfessjonarju): “isaħħaħ fil-fidi, kollox jitranġa, issaħħaħ fil-fidi!”
Lezzjoni: spiss meta jkollna niċċaħħdu minn ħaġa li nixtiequ, Alla kapaċi jitrasforma dak li jkollna naċċettaw f’ħaġa tant kbira li waħedna żhur ma konnhiex kapaċi nagħmluha!

-340: il santo del giorno - Santa Marta

Din naħseb li hija l-unika waħda li kellha l-wiċċ VILI tgerger kontra oħtha f’wiċċha quddiem Ġesù nnifsu… u ssir QADDISA! OMG. Spiss lil Marta niftakruha bħala dik li gergret għax oħtha ma għenitiex u qalgħet ċamata mingħand Ġesù għax m’għażlitx is-sehem it-tajjeb! Spiss ninsew li meta miet Lazzru kienet hi marret għand Ġesù tgħidlu “Li kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut!” u ninsew li kienet fost l-ewwel li stqarret li Ġesù hu l-qawmien u l-ħajja! Forsi, after all, Martha waslet biex tagħżel is-sehem it-tajjeb u għarfet tħaddmu f’ħajjitha xi ftit aktar minn oħtha li baqgħet tibki ħdejn il-qabar.
Marta hija l-protettriċi tan-nisa tad-dar u tas-sefturi. Minn xi sitt snin ilu ‘l hawn, meta ħallewlna bomba mal-bieb, xbieha ta’ dil-qaddisa sabet ruħha fil-kċina ma’ ġenb dawk tal-Ħniena Divina, tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ Santa Katarina, li quddiemhom hemm xemgħa dejjem tixgħel.

Lezzjoni: l-għarfien ta’ Alla f’ħajjitna hija proċess. Għalkemm m’għandiex noħduha easy ż-żejjed, nifhmu li f’persuni l-proċess jieħu fit-tul aktar milli f’persuni oħra. No problem, wara kollox Alla jimxi bil-pass tagħna.

-341: u santu du die - San Pedro Poveda Castroverde

Qaddis spanjol, għalliem u ħeġġieġ kbir ta’ l-edukazzjoni fost it-tfal u promotur kbir tal-preparazzjoni xierqa għall-għalliema. Bħala saċerdot kien iservi f’diversi parroċċi, u tant kiseb fama tajba li laħaq kanonku u kellu pożizzjoni għolja fil-bord nazzjonali kontra l-illitteriżmu. Bena diversi skejjel għall-fqar, kien direttur spiritwali ta’ diversi oħrajn u fetaħ l-ewwel reżidenzja universitarja għat-tfajliet ġewwa Spanja. Spiċċa maqtul fir-rivoluzjoni spanjola.

Lezzjoni: jista’ jkun li Alla jsejjħilna għal għandu anke meta nkunu mlaħħqa u l-ħajja tagħna tkun qed tħalli ħafna frott għall-benefiċċju ta’ dawk ta’ madwarna. It-toroq ta’ Alla ħadd ma jafhom. Il-jum u s-siegħa ħadd ma jafhom.

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Lulju 2007

-342: La santa del giorno - Santa Parasceve, ka Venera

Vinny għandha storja interessanti! Kienet bint Politea u Agathon, żewġ sinjuruni nsara. Damu ma kellhom tifla, imbagħad kellhom lil din! (Naħseb li f’Santa Venera hemm l-uniċi statwi tagħhom… seeing kif inhuma l-ġenituri ma nistkantawx li t-tifla ġiet kif ġiet! Njh). Insomma, Vinny ġiet mgħallma kif xieraq lil tifla sinjura. Meta mietu Politea u Agathon, tat kollox lill-fqar u saret predikatur famuż. Oho! (Vote for women!)
Arrestawha (xejn ġdid) u rieduha tiċħad il-fidi (xejn ġdid anqas hawn). Ittorturawha. Tefugħa ġo borma żejt jagħli u ma ġralha xejn. L-imperatur Antoninu staqsieha għamlitx xi maġija biex tberred iż­-żejt. X’għamlet? Qabdet ftit f’idha u tefgħetulu f’wiċċu, ħarqitulu u għamietu. Oh! Fejjqitu u sar nisrani (ħa!). Meta nbidel l-imperatur reġgħu bdew il-persekuzzjonijiet. Tefgħuha ġo bir ma serp velenuż. Għamlet is-sinjal tas-salib fuqu u nqasam fi tnejn! Reġgħu ttorturawha sakemm qatgħu qalbhom u qatgħulha rasha. (Mill-istampa jidher li reġgħet kibritilha, imma baqgħet mejta).

Lezzjoni: forsi kultant bit-talb u l-azzjonijiet tagħna anke dawk stess li jagħmlulna ħajjtina nfern jistgħu jinbidlu, bħala kien il-każ ta’ Vinny u Antoninu.

Il-Ħamis, 26 ta’ Lulju 2007

Wara 4 ijiem rieqed f'Ghawdex...

Għadni ġej minn 4 ijiem Għawdex – din hi r-raġuni għala l-blog ma kontx qed inżidu u għala qiegħed naqra b’lura. Lill-fans li mlewli mailbox bil-complaints ngħidilhom iserrħu rashom li l-blog għadu ħaj u se jkompli.
Insomma Għawdex… ajma kemm irqadt! U kemm kilt healty (frott biss, apparti xi darba meta ħriġna nieklu biex niċċelebraw l-aħħar lejl). U kont f’kumpanija tajba ħafna. Mhux se ngħid ma’ min minħabba d-data protection act, so għalxejn issaqsuni. Iltqajna wkoll ma’ koċċ qassisin Għawdxin u tkellimna fuq ħafna xorti. All in all, kelli bżonnha u ħadt ħafna gost, speċjalment waqt il-mumenti ta’ talb u tal-quddies. Il-brevjar jieħu xejra oħra meta titolbu mal-ħbieb!

P.S. jekk tridu tkunu tafu bi flat il-Qbajjar li jżommu Lm2.50 kull lejl għal kull persuna għiduli. Post bomba, kwiet u RĦIS.

-343: the saints of the day - Sant’Anna u San Ġwakkin, nanniet



Ok, nammettuha: il-ġenituri tal-Madonna ħadd ma jaf min kienu u ħadd ma jaf x’kien jisimhom. Imma l-eżistenza tagħhom hija ċerta! Wow!
Hemm xi sorsi li jgħidu li Anna u Ġwakkin kienu xi naqra tat-tajjeb – ma nafx kemm dan hu korrett, għax meta Marija u Ġużeppi ppreżentaw lil Ġesù fit-tempju, dawn għamlu l-offerta tal-fqar. Li kieku kienu tat-tajjeb presumibilment Marija kienet tiret xi ħaġa, mhux hekk? Jgħidu wkoll li l-koppja kienu kemmxejn xjuħ meta kellhom lil Marija – probabilment din hija xi leġġenda pija li żviluppat biex tidher aktar il-qawwa ta’ Alla fit-tnissil ta’ Marija. Xi devotissmi kienu jgħidu li Anna baqgħet verġni fit-tnissil u t-twelid ta’ Marija – imma dan ġie kkundannat fil-Vatikan fl-1677. Il-Knisja tal-Lvant kienet devota ta’ daż-żewġ persuni mill-ewwel ġranet tal-Kristjaneżmu.

Anna u Ġwakkin, flimkien, huma l-protetturi tal-ġenituri! Minjaf kemm ġenituri messhom jitolbuhom jidħlu għalihom meta uliedhom jitilfu t-triq! U min jaf kemm daż-żewġ qaddisin jixtiequ jgħinu lill-ġenituri jerfgħu s-salib tal-ħajja!

Lezzjoni: Kienu koppja bħall-oħrajn, imma bla ma jafu, kellhom missjoni speċjali! Min jaf aħna, fil-ħajja komuni tagħna, kemm inkunu qed inwettqu missjonijiet speċjali li Alla biss jaf fhiex għad isarrfu aktar ‘il quddiem!

-344: el santi de dias - San Ġakbu l-kbir, appostlu

Ġakbu minn dejjem kien persunaġġ li jaffaxxinani! Hu kien wieħed mit-tlieta li raw it-Trasfigurazzjoni tal-Mulej fuq it-Tabor… fil-waqt li Ġwanni u Pietru jieħdu prominenza kbira fil-Bibbja, Ġakbu donnu jibqa’ dejjem moħbi… Għalhekk, darba waqt meditazzjoni dwar din ix-xena sabiħa, lil Pietru rajtu bħala r-rappreżentant tas-saċerdoti u l-mexxejja tal-Knisja, Ġwanni rajtu jissimbollizza lil dawk li għandhom ħajja spiritwali qawwija u profonda, u lil Ġakbu ttimbrajtu bħala dak li jirrapreżenta lil dawk li għandhom għarfien tal-Mulej, imma li b’xi mod jibqgħu misturin… dawk il-ħafna nsara qaddisin li jgħixu ħajja eżemplari u ta’ prinċipju imma li ħadd ma jsir jaf dwarhom…

Ġakbu kien l-ewwel appostlu li ta’ xhieda ta’ imħabbtu għal Kristu billi xerred demmu. Xi snin wara l-fdalijiet tiegħu ttieħdu Compostela, fi Spanja li hu wieħed mill-akbar ċentri ta’ pellegrinaġġi fid-dinja.

Lezzjoni: Ġakbu minkejja li ma tantx insibu dwaru kien l-ewwel wieħed li miet għal Kristu… m’hemmx għalfejn inkunu xi ħadd importanti biex nuru li aħna wkoll ta’ Kristu!

-345: il-qaddisa tal-jum - Santa Kristina, VMMMM

(Din b’rispett lejn waħda ħabiba tiegħi, fan kbira tal-blog u li kienet fil-kumitat tiegħi ta’ l-GħST s-sena l-oħra. U li gergret ħafna għax waqaft għal xi ġranet peress li kont Għawdex.)
Għad-differenza tal-qaddisa li kkunsidrajna xi ġranet ilu, din hi waħda minn dawk li ma nafu xejn dwarha u li madwarha nbnew ħafna stejjer, u xi stejjer!!
Kristina kienet ġejja minn familja pagana u b’xi mod saret nisranija u spiċċat arrestata. Ommha ppruvat tikkonvinċieha terġa’ ssir pagana, imma bla suċċess. Għalhekk ingħatat il-martirju. Cioè diversi martirji, fosthom:

  • tawha n-nar, imma n-nar ħarab minn taħtha u ħaraq nofs il-folla li kienet qed tħares;
  • qatgħulha sidirha, u wara minnhom beda ħiereġ il-ħalib (mhux speċifikat reġgħux weħlu jew reġgħux kibru);
  • qatgħulha lsiena biex ma tkompliex tippriedka – imma bla lsien leħinha sar aktar ċar u jgħajjat;
  • tefgħet ilsienha lil wieħed milli kienu qed jikkundannawha u għamietu (naħseb li she overlooked il-parti fejn Ġesù jgħidilna “lil min itik daqqa ta’ ħarta, dawwarlu l-oħra”… imma then again, ma kelliex ilsien ieħor x’jaqtgħlha! Jew inkella tefgħetulu biex ikompli jqatta’ fih?);
  • rabtuha minn għonqa ma’ ġebla u tefgħuha l-baħar biex tegħereq (veru?), imma hemm taħt iltaqgħet ma’ Ġesù li għammidha (mela ma kienetx ġa nisranija!?), u mbagħad San Mikiel reġa’ tellagħha fuq l-art (ma kontx naf li jaf jgħum! Ir-rix suppost jitqal taħt l-ilma, mhux hekk? Forsi l-ġenna qiegħda taħt il-baħar flok fis-sema?)
  • sparawlha vleġġa f’qalbha u baqgħet taħtha (x’anticlimax! Imma almenu mhux qatgħulha rasha!)

Jekk San Ġorġ megalomartri, din xinhi?
Lezzjoni: ehm… il-fantażija u l-kreattività huma rigali sbieħ mingħand Alla!

It-Tnejn, 23 ta’ Lulju 2007

-346: Il-qaddis tal-jum - San Liborju

(Dan poġġejtu b’rispett lejn wieħed minn sħabi tal-kors li fis-sena barra kien qiegħed Ruma jaħdem f’parroċċa ddedikata lilu.) Liborju kien Franċiż, ħabib ta’ San Martin ta’ Tours. Bħalu kien isqof u beda ħafna knejjes ‘l hawn u ‘l hemm. Interessanti li snin wara mewtu, r-relikwi tiegħu ittieħdu minn Le Mans (fejn kien midfun) sa Padeborn (fejn għadhom jinsabu sal-lum) u dan wassal għal xi forma ta’ ġemellaġġ bejn iż-żewġt ibliet li baqa’ ħaj għal aktar minn elf sena. Il-parroċċa ta’ Padeborn imbagħad tat xi liri biex inbniet il-knisja tal-porraċċa li fiha ħadem sieħbi f’Ruma, b’hekk sar ġemellaġġ ieħor bis-saħħa ta’ dal-qaddis!
Lezzjoni: ma min rajtek xebbaħtek! Dan kien jagħmilha ma’ Martin ta’ Tours, u spiċċa isqof qaddis bħalu.

Il-Ħadd, 22 ta’ Lulju 2007

-347: Il-qaddisa tal-jum - Santa Marija Maddalena, ehm

U min qatt qal li min ikollu żogħżija kemmxejn… ehm… avventuruża ma jistax isir qaddis? Il-Madalena hija xhieda ta’ dan. Kellha l-aktar professjoni magħrufa antika li għal eluf ta’ snin essenzjalment qatt ma nbidlet. U x’ġara? Iltaqgħet ma’ Ġesù, ħafrilha u ħabbha kif kienet u dan wassalha tibdel ħajjitha… u mhux biss!!! Għal min qatt ma nduna, kienet hi l-ewwel waħda li rat lil Ġesù ħaj wara mewtu! Żgur li l-curriculum vitae li kellha ma baqax jgħodd wara l-maħfra li rċeviet.
Ħafna kienu dawk li bnew diversi stejjer madwarha u li għadhom jippruvaw iċappsulha isimha; l-aħħar wieħed fosthom kien is-sur Dan Brown bir-rumanz The Da Vinci Code.
Lezzjoni: m’hemm l-ebda dnub kbir wisq biex jirċievi l-maħfra ta’ Alla. U, kbir kemm kien kbir, ladarba d-dnub huwa maħfur, allura huwa minsi. Staqsu lill-Madalena!

Is-Sibt, 21 ta’ Lulju 2007

Il-marc tal-Miskina...

Mela l-Ħamis li għadda fettilli nitla’ għall-marċ iż-Żurrieq. Mort għall-ħabta ta’ l-22:00 (għax sa dak il-ħin konnha qed nistennew lil ta’ l-enemalta jiġu jirranġawlna d-dawl għax XI ĦADD ħawwad xi ħaġa u tajjar il-fuse…) Mort hemm u ltqajt ma’ koċċ ħbieb li s-soltu niltaqa’ magħhom fil-festi taż-Żurrieq. Tawni xi updates interessanti dwar il-festa, affarijiet li qatt ma kont nobsorhom… Qgħadna fil-pjazza naraw il-marċ jispiċċa. Kienet qed iddoqq il-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun, tal-Miskina u kien hemm atmosfera sabiħa. Imbagħad bqaja hemm nixorbu u npaċpċu qiddiem il-Bronze Bar. Ħin minnhom ħarist lejl l-arloġġ u sibt li kienu saru… ehm, aħjar ma ngħidx. Kien sar ħafna ħin. Lil sħabi għedtilhom “Ħa mmur għax lil ommi se jkolli nispjegalha żewġ affarijiet: X’qgħadt nagħmel fil-pjazza s’issa u xi tlajt nagħmel għal dan il-marċ partiklari.” Fortunatament laħqet qatgħet qalbha u daħlet torqod. Njh.

-348: La sainte du jour - Santa Prassede

Din waħda minn dawk li ma tantx nafu fuqhom, imma li b’xi mod misterjuż ma nbnewx stejjer kbar u fantastiċi madwarha. Prassade kienet bint senatur sinjurun u qaddisa (Santa Pudenzja) u oħt qaddisa oħra (Santa Prudenzjana). Baqgħet xebba u kienet tuża l-liri li kellha għas-servizz tal-Knisja. Baqgħet magħrufha ħafna għall-virtujiet tagħha. Illum f’Ruma hemm knisja famuża b’ħafna możajċi sbieħ iddedikata lilha. Lezzjoni: m’hemmx għalfejn nagħmlu affarijiet kbar li jidhru biex nilħqu l-perfezzjoni għax dak li nagħmlu fil-moħbi huwa magħruf quddiem Alla!

-349: Il-qaddisa tal-jum: Santa Margerita ta' Antijokja, VM

Margerita, għal uħud, hija l-verżjoni femminili ta’ San Ġorġ għax spiss tidher akkumpanjata minn pet mhux tas-soltu – dragun.
Kienet bint mara nisranija u qassis pagan fil-Pisijda (illum parti mit-Turkija). Ommha mietet meta kienet żgħira u mara nisranijiet rabbietha. Meta missierha sar jaf li bintu kellha tendenzi nsara qatagħha mill-wirt u Maggie marret toqgħod mal-mara li rabbietha u kienet taħdem ta’ pastorella. Maggie kienet magħrufha li dejjem iġġor salib magħha… darba ltaqgħet ma dragun (taf int… ħaġa ta’ kuljum tiltaqa’ ma dragun qiegħed jippassiġġa fl-għelieqi…) u belagħha. Wara ftit is-salib beda jdejjqu u b’hekk beżaqha. (oh well… niskantaw b’Ġona jew b’Pinocchio?)
Wieħed raġel ra sabiħa f’għajnejh (min qatt sema b’qaddisa kerha!?) u pprova jwaqqagħha fid-dnub. Meta hi żammet sod, gżuwha li kienet nisranija u b’hekk ingħatat il-martirju, li ma ħadimx mill-ewwel. Pruvaw jaħarquha u ma rnexxielhomx, pruvaw jaqluha u xejn... fl-aħħar qatgħulha rasha.
Fil-medju evu (xi elf sena wara li mietet) leħinha kien wieħed minn dawk li wasslu lil Santa Ġovanna ta’ Arc biex tmurr tiġġieled f’isem il-Knisja.
Lezzjoni: ġorr dejjem salib miegħek ħalli jekk tiltaqa’ ma’ dragun teħles minnu! U s-salib żommu għax temmen, mhux biex tiddandan bih!

Il-Ħamis, 19 ta’ Lulju 2007

-350: The saint of the day - San Gwann Plessington

Dan wieħed mill-martri tal-peresekuzzjoni Ngliża kontra l-Kattoliċi fi żmien Enriku VIII u Eliżabetta I. Ġwanni għamel xi żmien maħrub fi Spanja. Sar saċerdot f’Segovia (boq) u mbagħad reġa’ lura lejn pajjiżu biex jaħdem fost il-kattoliċi li kien għad baqa’. Dam sittax-il sena fl-Ingilterra sakemm inkixef li kien saċerdot, għamel xahrejn il-ħabs u mbagħad ġie maqtul (mgħallaq, qalgħulu msarnu u qasmuh f’erbgħa), ħati tar-reat tas-saċerdozju.
Nitgħallmu: għall-imħabba ta’ Alla u l-poplu tiegħu l-ebda periklu ma jista’ jidher kbir wisq!
(Dan qaddis li mkie ma sibt stampa tiegħu!) Din l-arma ta' kunjomu, naħseb)

L-Erbgħa, 18 ta’ Lulju 2007

-351: ze saint of za day: Simon of Lipnicza

Oħo! Dan importanti! Għala? Għax dan wieħed mit-3 l-oħra li ġew kanonizzati ma’ Dun… San Ġorġ Preca fi Piazza San Pietro fit-3 ta’ Ġunju li għadda. Kien patri Franġiskan li minn dejjem ħass is-sejħa għall-ħajja reliġjuża. Kien magħruf għall-priedki li kien jagħmel. Miet f’epidemija waqt li kien qed jaħdem mal-morda.
X’nitgħallmu: li Alla jista’ jtina l-kapaċità li għall-imħabba tiegħu fl-oħrajn naslu biex inwarrbu l-bżonnijiet tagħna u letteralment ma nqisu xejn ħajjitna biex naqdu lil ħaddieħor li hu fil-bżonn.

It-Tlieta, 17 ta’ Lulju 2007

-352: les saintes du jour: Il-matri ta' Compeigne, OCDs, VM

Dawn kienu sittax-il mara (11-il soru, 3 lajċi karmelitani u 2 qaddejja tas-sorijiet) li offrew ħajjithom għall-Knisja meta r-rivoluzzjoni Franċiża ħraxet kontra dak kollu li hu qaddis. Ftit ġranet wara li għamlu din l-offerta, ir-rivoluzzjonarji eretiċi daħlu fil-kunvent tagħhom u kaxkruhom fil-ħabs. Il-ftit ġranet li għaddew fil-ħabs kienu jħeġġu lill-ħabsin l-oħra biex jitolbu u ma jaqtgħux qalbhom. Fis-17 ta’ Lulju, l-għada tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, ġew maqtula talli għażlu li jżommu sħiħ mal-fidi tagħhom u mal-wiegħdiet li kienu għamlu. Qabel qatgħulhom rashom kantaw il-Veni Creator, ġeddew il-voti u kantaw is-Salve Regina. Eroiżmu sa l-aħħar.
Nitgħallmu: hi xinhi l-qagħda tagħna, dejjem nistgħu inkunu ta’ wens għal ta’ madwarna; hemm drabi fil-ħajja meta nistgħu nidhru boloh talli nżommu sħiħ ma’ dak li nemmnu, imma jekk nitolbuh, Alla jtina l-qawwa li nżommu sħiħ sa l-aħħar.

It-Tnejn, 16 ta’ Lulju 2007

-353: Marija Omm u Sultanta tal-Karmelu

Illum m’għandniex qaddisin (jew aħjar il-qaddisin li hemm huma ta’ importanza kemmxejn inferjuri) – illum il-Knisja tippreżentalna lil Sidntna Marija bħala l-ġnien ta’ Alla (Karm’el dak li tfisser). Id-devozzjoni lejn il-labtu hija antika ferm, u t-tradizzjoni tgħallimna li l-Madonna għandha mħabba partikluari lejn din id-devozzjoni. Niftakru li l-aħħar dehra f’Lourdes seħħet fis-16 ta’ Lulju u li fl-aħħar dehra ta Fatima, it-tfal qaddisin qalu li raw lill-Madonna liebsa l-abitu Karmelitan. Qisu d-dehriet dejjem spiċċaw alla grande! Il-Madonna tal-Karmnu tfakkarna fl-imħabba li għandha din l-Omm għalina wliedha, li għoġobha tlibbisna bil-libsa tagħha u li wiegħditna li tkun magħna fl-aħħar mumenti ta’ ħajjtina. J’Alla nimitawha f’kollox bħalma hi imitat f’kollox lil Binha.

Fil-għodu, għall-ewwel (u naħseb l-aħħar) darba f’ħajti mort għall-pontifikal tal-bażilka tal-Karmnu fil-Belt. Kienet sabiħa, imma TWILA. Il-mużika naħseb li setgħet kienet aħjar – kultant instema s-surmast isikket lill-kantanti biex ma jkantawx jgħajjtu. L-antifona m’għarafthiex! U xi ħadd ħadli l-MP3 player li ħallejt moħbi fil-gallarija! Grr. Fl-aħħar il-pirjol ippreżenta lill-Arċisqof salib pettorali b’Madonna fuqu (xinhi l-idea li jkollok salib b’Madonna msallba fuqu!?) u telgħu koppja biex jippreżentaw lit-tarbija… l-ilbies kien xi ftit… ehm… mhux ta’ ġo bażilka fil-festa mmexxija mill-arċisqof!
Wara l-quddiesa (forsi b’risposta għall-karità li wrejt fi ħsibijieti dwar l-armar tal-bażilka eċċ) inqalgħali l-qiegħ taż-żarbun u kelli nimxi mill-Karmnu sal-monti prattikament ħafi! Xtrajt karkur Lm2.50 u kont veru qiegħed sew miexi ġo Triq ir-Repubblika liebes pulit u mbagħad bil-karkur…
Fil-għaxija, addio pellegrinaġġi devozzjonali wara l-Madonna… mort sal-baħar u veru ħadt gost!