L-Erbgħa, 27 ta’ Lulju 2011

Floss Nights!!!

Il-ġimgħa l-oħra ż-Żurrieq, raħal twelidi, kien hemm il-festa sabiħa ħafna tal-Madonna tal-Karmnu. U din is-sena ċċelebajtha ma sħabi b'mod bħal qatt qabel.
Meta kont żgħir u konnha għadna noqgħodu ż-Żurrieq niftakar li kien hemm regolamenti strettissimi dwar is-sehem tagħna fil-festi. Fil-każ tal-festa ta' Santa Katarina konnha obligati (volenti o nolenti) li mmorru l-funzjonijiet kollha tal-knisja u għall-marċi kollha. M'hemmx diskussjoni. L-unika ħaġa li konnha nagħmlu bil-qalb kienet li nitfgħu il-karti u l-bżieżaq mill-bejt fil-marċ tal-Ġimgħa meta kienet tgħaddi l-istatwa ta' Vincenzo Cremona minn quddiem id-dar taz-zija, tan-nannu u taz-zija l-oħra, u anke l-għada fil-marċ ta' filgħodu.
Fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu, ir-regolamenti kienu kemmxejn... diversi... Konnha mmorru DEJJEM Ħadd qabel il-festa naraw il-ħruġ tal-vara tal-Madonna mill-oratorju, konnha mmorru għat-tridijiet kollha u għall-purċissjoni. Imma bla ċapċip, għax xi 40 sena ilu ommi u z-zija (li jisimha Katarina!) qalgħu daqqa ta' xemgħa mingħand il-fratelli waqt il-purċissjoni peress li, ladarba razza ma' Santa Katarina, ma kellhomx dritt iċapċpu lill-Madonna. Ideat. U minn dik is-sena ħadd ma reġa' ċapċap.
Fejn jidħlu l-marċi u l-każin kien hemm veto assolut. L-unika konċessjoni kienet li meta kien jgħaddi l-marċ minn quddiemna kont niftaħ il-bieb u nagħmel purċissjoni żgħira bi statwa tal-Madonna tal-karmnu mal-kuritur sal-bieb u kont naħdimha biex tasal fil-bieb hekk kif il-banda tasal quddiemna. Mhux għax kienu jagħtu każ ta. Imma nsomma. Imbagħad kont indawwarha u nidħol lura ġewwa.
L-istorja tal-familja vis a vis il-festi għandha, naturalment, storja antika, b'xi miti wkoll. Fis-snin 20 u tletin tas-seklu l-ieħor mid-dehra kien hemm rivalita' bejn il-każini li tħabbatha ma dik li hemm illum, jew kienet agħar. Kien iż-żmien meta jekk partit iwaħħal stampa tal-qaddisa/Madonna tiegħu man-naħa tal-każin oppost, l-istampa kienet tispiċċa trietaq. Imma nsomma, kollox jgħaddi. Kont nisma lil oħt in-nanna tgħid li darba l-kelba ta' nannuha jew missierha, marret iddur bħalma soltu tagħmel. U daħlet il-każin tal-Istilla. Meta l-buż/bużnannu sar jaf, lill-kelba samatha. Shocking. U minn dak iż-żmien l-ebda membru tal-familja ma reġa' daħal ġol-każin tal-Karmnu.
L-affarijiet bdew jinbidlu meta kelli xi 12-il sena u dħalt fratell mal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu. Komplew jinbidlu meta dħalt is-seminarju u bdejt nitla' għall-ħruġ tal-vara waħdi sa fuq iz-zuntier u baxx baxx inċapċap. B'ħafna kawtela ma mmurx naqla' xi xebgħa. Minn meta qaddist sirt nidħol fl-oratorju qabel ma toħroġ il-vara u nieħu ritratt magħha kull sena, u fuq iz-zuntier naħraq idejja nċapċap. U anke meta tkun dieħla l-purċissjoni, avolja nkun qed nakkumpanja. U hekk is-silġ dwar iċ-ċapċip inkiser.
Rigward il-veto fuq il-każin, dan beda jixxaqqaq xi ftit fl-2001 meta bdejt nikteb fil-ktieb tal-festa u kelli ta' bilfors nieħu l-artiklu u r-ritratti (id-digital u l-email kienu għadhom mhux moda) lill-editur. Fl-2006 things changed even more għax oħti ż-żgħira, is-sopran, bdiet takkumpanja l-Banda Queen Victoria (tal-Karmnu) bil-kant meta jdoqqu fil-festa tal-Assunta fl-Imqabba. U għalhekk kellha ta' bilfors tidħol il-każin għall-kunċerti.
Il-veto tal-marċi kien għadu ma ġiex breached ħlief xi kultant meta ommi kienet titla' tara l-marċ ta' filgħodu dieħel u tlajt magħha xi darbtejn. Xi 4 snin ilu tlajt kif spiċċa l-marċ tal-Ħamis jew tal-Ġimgħa (insejt) u, erm, domt hemm sa xi l-4:00 sakemm veru bdejt nara l-istilel. U nżilt id-dar b'imsarni ġo saqajja għax assumejt li kelli nsib raġuni valida x'nagħti lil ommi għala domt barra sa dal-ħin fil-pjazza taż-Żurrieq fil-ġimgħa tal-festa tal-Istilla. Imma laħqet raqdet.
Din is-sena mxejna pass ieħor. (Proprjament naħseb qbiżna mill-irdum, imma nsomma.) Is-sezzjoni żgħażagħ Karmelitani ħarġu bnadar bil-Madonna veru sbieħ. U xtrajt waħda. €40 għal Alla u għall-erwieħ (u għal buthom, ovvja). Lil ommi għoġbitha u ħietitli bordura bajda biex tikber ftit u biex ma ssirilhiex ħsara bir-riħ. Fis-16 ta' Lulju (festa liturġika), fis-17 (meta ħarġet il-vara taż-Żurrieq) u fl-24 (nhar il-festa taż-Żurrieq) tellajt mal-arblu l-bandiera l-impittra tal-Madonna bil-faxx ikħal.
Din il-ħaġa kkawżat naqra furur. Mhux mill-familja tiegħi ta. Il-ġara tuwha tal-ġenn għax tiegħi kienet isbaħ minn tagħha. Iz-zijiet qaluli nniżilha għax kien ir-riħ. Koċċ nies saqsewni min pittirha għax veru sabiħa. U ċ-ċirasa ta' fuq it-torta kienet meta waħda min-Nigret (karmelitana DOK) marret issaqsi lil ommi jekk biegħejniex il-post "għax intom ma' Santa Katarina u rajt bandiera tal-Madonna mal-arblu!" Ommi bid-diplomazija kollha kollha qaltilha li mal-arblu ttella' li trid u li l-Madonna hi tagħna daqs kemm hi tagħhom. Kienu jien kont inżid xi żewġ aġġettivi, imma never mind. Issa rrid nara x'se ntella' f'Santa Katarina għax waħda mpittra m'għandix!
Mit-Tnejn sal-Ħadd kellna ġimgħa floss nights and one floss afternoon.

Nibdew bid-definizzjoni: Floss nights huma serati festivi fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq (mill-ewwel kelma tal-antifona tal-Madonna tal-Karmnu: Flos carmeli). F’Settembru, fil-festa ta’ Santa Katarina jkollna l-Vox nights (mit-tieni kelma tal-Innu tal-għasar ta’ Santa Katarina: Catharinae vox triumphum). Il-membri tal-klikka huma prattikament jien, il-manager, il-printer, l-avukat (li jżomm ma’ tal-Karmnu, imma s’issa kull sena bil-frosta kellu jiġi magħna anke ġol-każin ta’ Santa Katarina), l-avukata, il-perit u mbagħad dejjem jingħaqad magħna xi ħadd ieħor. Il-Floss nights huma nnovazzjoni ta’ din is-sena, għax is-soltu lil sħabi tihom il-Vox nights u biżżejjed. Dis-sena ftehmna jien u l-manager għall-floss nights u STEDINNA lill-avukat (= assolutament ma kienetx idea tiegħu). Imbagħad għedna lill-oħrajn. Il-printer u l-perit ġew kważi kuljum, l-avukata (li żżomm ĦAFNA mal-prinċipji tagħha) ġiet il-Ġimgħa (b’running commentary divertenti ħafna ta’ “m’għandhomx ħi!” meta wieħed innoċenti minn barra r-raħal saqsiha fuq l-istatwa tal-marċ, u “birng the deck-chairs” meta f’nofs il-lejl infetħet l-umbrella ġganteska f’nofs il-pjazza) u l-marċ ta’ filgħodu biss. Imma l-klikka li konnha veru ħadna pjaċir.
Jien intfajt fuq Coca-Cola, 7 Up et al. Darba, waqt marċ kbir u mill-isbaħ, l-avukat mar iġibli beverage u ġie bil-Bitter Lemon. Seta’ jibgħatha bil-posta. Imma xorta ddivertejna. Wara l-marċi dejjem bqajna hemm xi ftit aktar ħin/siegħat – xi drabi anke fil-każin tal-Istilla. It-Tlieta konnha aħna l-aħħar nies li ħriġna mill-każin. Jekk tkun taf ommi taqtagħni mill-wirt. Never mind. Fit-triq bejn il-pjazza u d-dar kellna diversi diskussjononijiet ILLUMINATI dwar San Ġwann Battista u Santa Tereża ta’ Avila, speċjalment bil-mod kif huma raffigurati or lack of. Insomma kienet ġimgħa veru mill-isbaħ u li ma stennejtx li se nieħu daqshekk gost.
Nhar il-festa mort għall-quddiesa kantata – kienet sabiħa u wara għall-ikel u mbagħad għall-marġ (floss afternoon). U bqajna hemm sa siegħa qabel l-għasar. L-avukat tah li jrid imur għall-għasar u għalhekk bqajt bla siesta. X’tagħmel? Il-ħmerija li hu stess ġie nofs siegħa tard. Nifhem li n-Nigret jinsab fejn ħalla l-karkura x-xitan... imma NOFS SIEGĦA?! Il-manager marret kunċert ta’ Santana (jew Sant’Anna. Jew Satana. Ma nafx) u ġiet f’xi 0:00. Morna ħadna beverage u kebab u we called it a night.
Ġimgħa memorabbli! Iġri terġa’ tiġi tal-Karmnu!

It-Tlieta, 19 ta’ Lulju 2011

Sectarian imbecillity

Mela dakinhar/dak il-lejl tal-festa liturġika tal-Madonna tal-Karmnu kelli esperjenza li ejjew ngħidu ma kontx qed nistenniha.

Fil-għaxija mort inqaddes in-Naxxar għax is-saċerdot li kien imissu kellu tieġ band'oħra. Il-quddiesa marret tajjeb (naħseb) u wara dħalt fis-sagaristija biex ninża'. Kien hemm skoss saċerdoti għax wara l-quddiesa tiegħi kien hemm tieġ. Il-prim ċelebrant kien patri Karmelitan Skalz (bil-Malti Tereżjan), li kien qed jinsisti mas-sagristan biex itih pjaneta sabiħa (nothing bad in that. Jien ħadtha drawwa li kull fejn immur nieħu pjaneta tiegħi miegħi - u tiegħi KOLLHA sbieħ. Ħlief waħda - biex jekk dik li jħallili s-sagristan ma tkunx dinjituża, nuża tiegħi). Wara rani u bdejna npaċpċu. Meta rajt li hu donnu ma kellux għaġġla, u peress li jien ridt immur, bħal kull sena, għall-purċissjoni tal-Madonna tal-Karmnu, bil-pulit għedtlu li kelli mmur sal-Belt.

"Il-Belt?! X'hemm il-Belt il-lejla?"

Għal mument - ħaġa mhux tas-soltu - bqajt bla kliem. Imbagħad għedtlu: "Int Karmelitan!?"

"Le Tereżjan!"

"Mhux xorta Karmelitan!? Mela l-Madonna tal-Karmnu ma tiċċelebrawhiex!?!?!?!"

"Eh, iva! Illum tal-Karmnu!"

Mid-dehra dan ma kienx jaf li dak il-ħin stess x'ħin konnha qed nitkellmu patri Tereżjan ieħor f'Bormla kien qed jagħmel purċissjoni bi statwa ġdida tal-Madonna tal-Karmnu li kienet twila daqs il-purċissjoni tal-Immakulata darbtejn! U dawn għamlu żmien fl-istess kunvent.

Mort 'il barra ddiżgustat. Immaġina xi Nazzjonalist aħrax li jinsa jum l-Indipendenza, jew xi Laburist akkanit li jinsa l-Ħelsien jew ir-Repubblika. Jew xi Senglean jinsa l-Vitorja! U le! Tajjeb, mela l-aqwa li nilbsu l-pjaneti sbieħ, imbagħad is-solennitajiet tal-ordni nistgħu ninsewhom! Sooo disappointed.

It-Tnejn, 11 ta’ Lulju 2011

Prova...

Storja hafifa ta' dal-blog: dan kien beda xi 5 snin ilu meta kont ghandi seminarista. Ghamilt xi sena nuzah u mbaghad waqaft. Ergajt ghamilt xi zmien qasir nuzah u ergajt waqaft. Imbaghad bdejt il-blog l-iehor ta' Ruma li kellu success enormi u dan prattikament insejtu. Kien hemm xi drabi meta bi zball tfajt xi haga go fih flok fl-iehor, imma xejn specjali.

Issa, ladarba l-qarrejja tal-blog l-iehor kienu se jaghmlu sajf bil-viztu habba li fis-sajf il-blog jieqaf (heqq avventuraROMANA jismu wara kollox) hsibt li nerga' nibda nuza dan kultant biex naghti xi updates fuq aneddoti tal-hajja ta' kuljum, issa ta' qassis (mhux aktar seminarista) li qieghed id-dar bil-'vaganzi', jipprova jaghti daqqa t'id f'xi parrocci fejn hemm is-sacerdoti bil-vaganzi u fl-istess hin jipprova jahdem ftit fuq it-tezi... issa naraw x'gej.


Min jirnexxielu jaqra dan il-messagg jekk joghgbu jhallili nota biex inkun naf li issa hu accessibbli - mid-dehra meta kont waqaft nuzah kont nehhejtlu l-access...

Il-Ħadd, 1 ta’ Mejju 2011

Beatus Johannes Paulus Maior




Visit msnbc.com for breaking news, world news, and news about the economy